It-talent fir-riċerka u l-innovazzjoni jrid jissaħħaħ – Miriam Dalli

B’referenza għal skoperti li saru minn żviluppaturi u riċerkaturi Maltin, Miriam Dalli qalet li t-talent li jeżisti fir-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna jrid jiġi sostnut u msaħħaħ.

Dalli elenkat 5 prioritajiet li permezz tagħhom l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jikbru f’Malta. Hija qalet li jrid ikun hemm aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, aċċess għal fondi, programmi edukattiv dwar dan il-qasam, kollaborazzjonijiet akbar bejn riċerkaturi kif ukoll partnerships bejn universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi kemm fuq livell lokali u anka Ewropew.

Hija spjegat kif fondi Ewropej bħalma hu Horizon Europe, li jiffinanzja proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, jipprovdu fondi għal dawn it-tip ta’ proġetti. B’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw persuni li għandhom ideat konkreti, prototipi, jew proġetti li huma żviluppati u jridu jidħlu fis-suq.