“It-talba tal-PM għar-riżenja tiegħi hi redikola” – Simon Busuttil

Dr Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li t-talba tal-Prim Ministru biex hu jirreżenja hija “redikola.”

Busuttil kien qed jirreaġixxi għall-konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Prim Ministru dalgħodu. Huwa qal li l-PM huwa “l-aħħar persuna li jista’ jitkellem dwar responsabbiltà politika ġaladarba qatt ma refagħha hu stess minkejja sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni kemm ilu Prim Ministru hu.”

Busuttil fakkar lill-Prim Ministru li l-inkjesta Egrant ma kinitx dwar Busuttil għax Egrant mhix tiegħu. Huwa sostna li bħala persuna pubblika kellu dmir li jirreaġixxi dwar l-allegazzjoni serja li saret u jinsisti li toħroġ il-verità. Qal li l-Oppożizzjoni ma setgħetx tibqa’ b’ħalqha magħluq.

Busuttil talab li għandu jiġi pubblikat ir-rapport kollu u mhux biss siltiet minnu. Huwa inaċċettabbli,” qal Busuttil, li l-Prim Ministru għandu kopja sħiħa tar-rapport filwaqt li l-pubbliku għandu biss siltiet. Huwa fl-interess pubbliku li r-rapport jiġi pubblikat b’mod sħiħ bla aktar dewmien. Min-naħa tiegħi nirriżerva li nagħti aktar reazzjonijiet hekk kif inkun qrajt ir-rapport sħiħ.

Huwa qal li għad hemm ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba fosthom f’isem min kien qed jidher Brian Tonna ta’ Nexia BT. “Dan huwa punt kruċjali. Aktar u aktar meta Tonna kien fetaħ żewġ kumpanija oħra fil-Panama għal Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-istess żmien.

L-eks Kap tal-PN fakkar illi qabel mal-Prim Ministru jitlob responsabbiltà politika mingħandu tajjeb li jistenna wkoll ir-riżultat  tal-inkjesti li talab Busuttil stess. Hu talab lill-Prim Ministru biex jieqaf jagħmel ostakli għall-inkjesta dwar Panama Papers kif ilu jagħmel għal aktar minn sena.

L-istqarrija sħiħa ta’ Dr Busuttil tista’ tinqara hawn.

REAZZJONI DWAR IR-RAPPORT TAL-INKJESTA EGRANTSegwejt il-konferenza stampa tal-Prim Ministru dwar l-Inkjesta Egrant u…

Posted by Simon Busuttil on Sunday, July 22, 2018