It-talba ta’ Yorgen għall-maħfra tikkomplika ruħha

FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

Sorsi legali li reġgħu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-iżviluppi serji li saru llum qed jikkumplikaw bil-kbir is-sitwazzjoni tat-talba tal-maħfra minn Yorgen Fenech fil-każ tal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost l-iżviluppi ssemmew dawn:

  • It-Times of Malta qed tirrapporta li n-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, semma lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ifisser illi l-każ iggrava ħafna aktar.
  • Intant, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt, li rikording li ssottometta Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju, juru li Theuma u Fenech għamlu mħatra dwar jekk il-Partit Laburista hux se jirbaħ b’maġġoranza kbira l-elezzjoni tal-2017. Theuma, li hu magħruf li jżomm il-logħob fuq l-idejn, aċċetta din l-imħatra ta’ €50,000, u r-rebħ minnha li kellu jammonta għal €150,000 inżamm mill-istess Theuma u ntefa’ fis-sassla għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
  • Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia talbet li tiltaqa’ b’urġenza mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, biex tikkjarifika s-sitwazzjoni madwar it-talba ta’ Yorgen Fenech biex jingħata maħfra presidenzjali.

  • L-akkuża serja li għamel l-MP Nazzjonalista Jason Azzopardi, l-avukat tal-familja Caruana Galizia, li Keith Schembri kellu x’jaqsam mal-qtil tal-ġurnalista.
  • Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li n-negozjant Yorgen Fenech, li ġie arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kixef lil Keith Schembri wara li l-Gvern ta l-maħfra lil Melvin Theuma.
  • Newsbook.com.mt kien żvela li Yorgen Fenech ma kienx semma isem Keith Schembri fl-ewwel sessjonijiet tal-interrogazzjoni mill-Pulizija. Madanakollu meta sema’ bil-maħfra presidenzjali li ngħata Melvin Theuma, Fenech qal li żżejjed kollu żejjed u beda jsemmi ħafna affarijiet, u fost l-ismijiet li semma kien hemm dawk ta’ persuni b’karigi għolja fil-politika fosthom isem Keith Schembri.

Maħfra aktar kumplikata

Is-sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt aktar minn darba semmew illi l-fatt li l-maħfra tingħata mill-Gvern, effettivament mill-Prim Ministru (għalkemm tissejjaħ maħfra presidenzajli), jista’, f’dan il-każ,  joħloq problemi legali.  Barra minn dan jistgħu jinħolqu wkoll problemi ta’ perċezzjoni pubblika fl-imparzjalità tal-għoti tal-maħfra. L-istess sorsi sostnew li bl-ebda mod ma jridu jitfgħu dell dwar is-serjetà li biha ttieħdet id-deċiżjoni biex tingħata l-maħfra, iżda l-perċezzjoni tan-nies hija importanti wkoll.

Huma nnutaw li Yorgen Fenech qal li Keith Schembri bagħtlu messaġġ jgħid “Tikxifnix u ngħinek”. Żiedu jgħidu li jekk dak li qal Fenech huwa veru, dan jista’ jqajjem il-mistoqsija  jekk Keith Schembri qalx l-istess ħaga lil Melvin Theuma.   

Huma reġgħu tennew li jagħmel x’jagħmel il-Prim Ministru jqumu diversi dubji u mistoqsijiet. Jekk il-Prim Ministru ma jagħtix ir-rakkomandazzjoni biex tingħata l-maħfra allura jqumu s-suspetti li dan ma għamilx ir-rakkomandazzjoni minħabba li Yorgen Fenech jista’ jinkrimina nies qrib tiegħu. Il-Prim Ministru kontinwament iddefenda lil Keith Schembri u ddeskrivih bħala bniedem integru li ma jużax ir-rwol tiegħu pubbliku biex jagħmel qligħ personali.

Minkejja li oġġettivament jista’ jkun li kollox ikun sar sew, fakkru li l-ġustizzja mhux biss għandha ssir iżda tidher li qed issir.