It-talba ta’ qabel l-ikel iġġib il-familji flimkien

Fr. Leo Patalinghug jgħid li l-abbundanza kultant twassalna biex ninsew lil Alla

It-talb bħala familja qabel l-ikel hi ħolqa essenzjali fil-ħajja tal-familja għax tħalli lil Alla jkun parti mill-esperjenza tal-familja. Permezz tal-ikel flimkien, Alla jkun il-ħolqa li jsaħħaħ il-familji.

Dan qalu Fr. Leo Patalinghug, qassis Amerikan, li hu wkoll Kok u Awtur ta’  “Plating Grace: Elevating Culture and Family Life One Meal.

Imrobbi u bażat f’Baltimore, iżda mwieled fil-Filippini, Fr Leo hu membru tal-komunita’ ta’ ħajja konsagrata Voluntas Dei. Hu Direttur ta’ “Plating Grace”, appostolat internazzjonali li jgħin fit-tisħiħ tal-familji u r-relazzjonijiet permezz tar-rigal ta’ ikla familjari li jagħtina Alla. Barra minn dan hu rebbieħ tal-unur tal-aqwa koreagrafu tal-break-dancing u jgħallem l-Arti Marzjali.

Mistoqsi kemm għad fadal nies jitolbu qabel l-ikel, Fr Leo qal li l-organiżazzjonijiet tiegħu -“Plating Grace” u “The Table Foundation” qed jippruvaw ifehmu li ikla hi rigal qaddis li għandha ħila ġġib lin-nies flimkien. Filwaqt li nafu li ħafna mit-tradizzjonijiet kattoliċi spiċċaw, almenu pubblikament, il-fatt li ninġabru flimkien madwar il-mejda jirrifletti tradizzjoni spiritwali u ta’ fidi. Dan ifisser li ħafna nies qed jesperjenzaw il-grazzja madwar il-mejda tal-ikel, anke jekk dan ma japprezzawħx biżżejjed.

“Il-ġenituri tiegħi għallmuna nitolbu flimkien bħala familja, kemm ir-rużarju kif ukoll qabel l-ikel. Meta kont qed nistudja s-seminarju f’Ruma bdejt nagħmel il-konnessjoni bejn il-mejda tal-ikel mal-Mejda tal-Mulej u kif Alla qed jifrex l-ikla għall-familja tiegħu f’kull quddiesa u f’kull ikla tal-familji,” qal Fr Leo.

Hu qal li l-Moviment tiegħu “Plating Grace” irid ifiehem li din mhux sempliċement talba imma l-ewwel u qabel kollox hi azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jġib in-nies flimkien. Irrid nagħrfu li x-xewqa li n-nies jiġu flimkien, hi l-aktar importanti.

It-tweġiba aħħarija hi “ix-xewqa għat-tajjeb tiġi minn Alla”. Jekk nagħrfu din il-ħaġa sempliċi tkun talba fiha nfisha. Imbagħad il-persuna titlob għall-grazzja li formalment tgħid kliem ta’ gratitudni, u barka.

Kull talba li tiġi mill-qalb hi talba tajba.  It-talb universali juri kif it-talb jista’ jġibna lkoll flimkien u flimkien nersqu lejn Alla. Għalhekk irrispettivament mil-lingwa, l-istil, id-devozzjoni jew talb spontanju li ngħidu, irridu nassiguraw li ġejja mill-qalb, tressaqna aktar lejn Alla u tgħinha nħennu għall-oħrajn.