It-talb u l-karità ċentrali fl-Ittra Pastorali tar-Randan fis-Sena tal-Fidi

Fl-Ittra Pastorali għal dan ir-Randan, l-Isqfijiet Maltin sostnew li permezz tat-talb, aħna nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla u għalhekk huwa ta’ ġid għalina meta nitolbu bil-Kelma ta’ Alla. Minbarra dawk il-mumenti tat-talb li fihom aħna nkunu waħedna mal-Mulej, hemm mumenti oħra meta nitolbu bħala komunità. L-Isqfijiet saħqu fuq il-bżonn ta’ talb fil-komunità hekk kif hemm grazzji ġodda li nirċievu meta nkunu fil-komunità nisranija għax kif qalilna Ġesù: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom.”

L-Isqfijiet Maltin sostnew li l-poplu Malti hu poplu ġeneruż iżda saħqu wkoll li l-imħabba tan-Nisrani ma tibdiex minn emozzjoni biss ta’ mħabba, iżda tibda minn att ta’ Fidi li jagħmel in-Nisrani, biex tkun verament imħabba li ġejja minn Alla. L-Isqfijiet ħeġġew sabiex f’dan ir-Randan, l-għemejjel l-oħra li nagħmlu f’isem ir-reliġjon li nistqarru jridu joħorġu minn din il-Fidi u l-Imħabba tagħna biex ikunu skont dak li jrid Alla.

Mistoqsi minn Newsbook dwar x’qed iwassal biex diversi jinqatgħu mill-komunità Nisranija u l-Quddiesa, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna sostna li l-ħajja mgħaġġla tista’ tkun waħda mir-raġunijiet iżda wieħed irid jevalwa wkoll l-esperjenza tal-quddiesa hekk kif din għandha tkun laqgħa tal-komunità li żżommok u tagħmillek kuraġġ għall-ġimgħa oħra.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, fl-okkażjoni tal-mitt edizzjoni tal-fuljett ‘Flimkien’ li jitqassam f’124,000 dar madwar Malta u Għawdex, kien ippreżentat ukoll C.D. bl-isem ‘Għinni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi’ bħala għajnuna għal żmien ir-Randan u li se titqassam f’kull dar mal-istess fuljett.

Ritratti: Photocity

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.