It-talb tan-nisrani jinġabar f’kelma waħda: MISSIER

Fl-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, il-Papa Franġisku kompla bil-katekeżi tiegħu, din id-darba dwar il-valur tat-talb għan-nisrani u sostna li l-misteru kollu tat-talb tan-nisrani jista’ jinġabar f’kelma waħda: Missier.  Il-kuraġġ li nsejħu lil Alla, missierna.
Il-Papa qal lil dawk preżenti fi Pjazza San Pietru li l-Kristjaneżmu ġieb miegħu rivoluzzjoni reliġjuża kbira, ir-rivoluzzjoni li tiġi mill-kmand tas-Salvatur tagħna biex nitkellmu ma’ Alla l-Imbierek kif jitkellmu t-tfal ma’ missierhom li jħobbhom – b’fiduċja sħiħa.
“Il-Misteru kollu tat-talb nistgħu niġbruh f’kelma waħda, li jkollna l-kuraġġ li nsejjħu ‘l Alla: Missier.  Il-liturġija tikkonferma dan meta tistedinna nitolbu it-talba li għallimna Kristu stess. Meta nsejħu lil Alla ‘Missier’  inkunu qed nidħlu f’relazzjoni ta’ fiduċja miegħu, bħal tifel li jdur fuq missieru u jsejjaħlu ‘Pa’, għax jaf li jħobbu u jimpurtah minnu.
“Il-Misteru ta’ Alla dejjem jaffaxxinana u jġiegħlna naraw iċ-ċokon tagħna, iżda ma jbeżżaniex, ma jaghmilniex anzjużi u ma jkissirniex’.
Il-Papa rrikonoxxa li għar-ruh tal-bniedem din ir-rivoluzzjoni hi diffiċli li tilqagħha. “Tant hu hekk li anke fir-rakkont tar-Reżurezzjoni jingħad li n-nisa wara li raw il-qabar vojt telqu jiġru għax stagħġbu u beżgħu b’dak li raw.  Imma Ġesu’ jurina li Alla hu missier twajjeb u jgħidilna biex ma nibżgħux”.
Il-Papa Franġisku qal li Ġesu’ jkellimna dwar l-imħabba inkondizzjonata tal-Missier partikolarment fil-parabbola tal-missier ħanin li jilqa’ lill-iben prodigu u jaħfirlu bla kundizzjoni. “Kemm hu misteru kbir li ma nistgħux nifhmu l-imħabba bla qies li Alla għandu lejna, uliedu”.
Huwa fakkar li l-appostli kienu mpressjonati mill-fatt li kull filghodu u kull filghaxija, Ġesu’ kien iwarrab waħdu u fis-solitudni “jogħdos fit-talb” Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll.