“It-talb kien ċentrali għall-ħajja ta’ Elisa”; illum il-funeral

Iċ-ċkejkna Elisa Buhagiar kienet tħobb titlob u kemm-il darba kienet tħeġġeġ lill-familja tagħha biex jgħidu t-talba tar-Rużarju u t-talba ta’ qabel l-ikel. Ta’ skiwiet kienet tgħid lill-familja tagħha li hi “ta’ Ġesù”.

Hi se tkun qed tingħata l-aħħar tislima llum, wara li tilfet ħajjitha f’inċident traġiku fil-Manikata l-Ħamis li għadda.

L-inċident ġara fi Triq il-Prajjet fil-Mellieħa, meta Elisa kienet riekba ma’ missierha li għandu 49 sena u tifla oħra ta’ 10 snin. Il-familja toqgħod l-Imtarfa. Il-ħabta ġrat bejn żewġ karozzi, u l-karozza l-oħra kienet misjuqa minn mara ta’ 35 sena residenti l-Mellieħa.

Aqra: Tmut tifla ta’ 10 snin f’ħabta bejn 2 karozzi fil-Manikata

Elisa twieldet il-Ħamis 30 t’April tal-2009 lill-koppja Joseph u Rachelle Buhagiar u oħtha Sarah. Hi kienet fil-ħames sena fl-iskola ta’ St Joseph’s fi Blata l-Bajda.

Hi ġiet deskritta bħala tifla ferriħija, attiva u li tħobb il-ħajja, sportiva, mimlija enerġija u imħabba. Il-karatteristika prinċipali tagħha kienet it-tgħanniqa li kienet tħobb tagħti lil kull min tiltaqa’ miegħu. Kliemha ġie deskritt bħala ħelu u li kien jirnexxielha tħoll il-qalb bil-mod kif tpoġġieh. Kienet ukoll tifla li taf xi trid u ma tiqafx qabel tasal għall-għanijiet tagħha.

Aqra: Iċ-ċkejkna Elisa tingħata l-aħħar tislima għada

Hi kienet taprezza ħafna r-rigali tal-ħajja u dan kien jidher fit-talb sabiħ ta’ ringrazzjament li kienet tikteb. Iċ-ċkejkna kellha imħabba speċjali għall-pets. Kienet tħobb tqatta’ ħafnaħin ħdejn il-baħar u togħdos għall-arzell.

Il-funeral tat-tifla se jsir illum fit-3.30pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żebbuġ.