It-tagħlim online jibqa’ meħtieġ minn studenti vulnerabbli – GUG

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) insista li għandha tibqa’ l-opportunità li studenti tal-Università ta’ Malta jsegwu l-lezzjonijiijet b’mod virtwali, ikunu x’ikunu l-arranġamenti li jsiru biex ikomplu l-istudji fi żmien il-pandemija tal-Covid-19.

F’laqgħa li l-GUG kellu mar-Rettur tal-Università Alfred Vella u numru ta’ kollegi tiegħu, il-grupp qal li l-użu tat-teknoloġija biex issegwi lezzjonijiet virtwalment kien partikolarment bżonnjuż għal studenti vulnerabbli, kif ukoll studenti Għawdxin li jsibu diffikulta finanzjarja biex iħallsu l-kerà f’Malta. Il-grupp żied li l-Università wegħdet li ser tikkunsidra din il-miżura.

Il-GUG tixtieq ukoll li jidħol l-użu tat-teleconferencing fil-Kampus tal-Università ġewwa Għawdex, li tippermetti studenti Għawdxin isegwu l-lezzjonijiet minn Għawdex stess. Però. Ir-rettur spjega li wieħed għandu jara jekk is-sistema maħsuba mill-Università – fejn klassijiet kbar jinqasmu fi gruppijiet żgħar, fejn grupp isegwi l-lezzjoni fiżikament waqt li l-oħrajn isegwu l-istess lezzjoni b’mod virtwali – tkunx ta’ suċċess.

Għal taqsimiet ta’ studju magħmulin minn gruppi żgħar, l-Università tissuġġerixxi li dawn ikunu akkomodati fiżikament ġewwa l-kampus waqt li tinżamm id-distanza soċjali meħtieġa.

Però kull fakulta għandha tiddeċiedi fuq il-miżuri li tieħu separatament, skont il-linji gwida li jinħarġu mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa.