It-tagħlim online jeskludi lit-tfal b’diżabbiltà – CRPD

Read in English.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) qalet li filwaqt li t-tagħlim online huwa soluzzjoni vijabbli għal xi tfal, mhuwiex soluzzjoni realistika għall-maġġoranza tat-tfal b’diżabbiltà.

Fi stqarrija, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà Oliver Scicluna qal li jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni ċara għal dawk it-tfal li t-tagħlim online mhux soluzzjoni realistika għalihom. Ġie spjegat li t-tagħlim online mhuwiex soluzzjoni addattata, pereżempju, għal tfal li jbatu bl-awtiżmu, bl-ADHD jew dawk b’diżabbiltà intellettwali.

B’hekk, qal il-Kummissarju Scicuna, għadd kbir ta’ tfal jispiċċaw esklużi jekk l-awtoritajiet jirrikorru għal tagħlim online biss. Issoka jgħid li dawn it-tfal qegħdin jitħallew bl-ebda għażla oħra ħlief tagħlim online jew Teleskola, li mhumiex addattati għall-ħtiġijiet tagħhom.

Dan minħabba appelli li qegħdin isiru mill-għalliema u mill-unjins tagħhom sabiex l-iskejjel jagħlqu u t-tagħlim isir online biss minħabba l-għadd allarmanti ta’ każijiet tal-coronavirus.

Il-UPE qiegħda thedded li tagħmel strajk jekk il-Gvern ma jsibx soluzzjoni sodisfaċenti sa nofsillejl illum.