It-tablets l-iktar popolari ma’ dawk li twieldu eżatt wara l-gwerra

Iktar minn tliet kwarti tal-konsumaturi f’Malta u Għawdex jużaw l-internet.
Skont studju li ġie kkummissjonat mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni f’Lulju 2016, minkejja li l-laptop/kompjuter jibqa’ l-iktar l-apparat komuni fost il-maġġoranza tal-utenti tal-internet, l-ismartphones u t-tablets raw żieda ta’ 29% u 17% rispettivament fl-użu tagħhom fl-aħħar sentejn.
Skont l-istudju, filwaqt li l-mowbajls jintużaw l-aktar mill-ġenerazzjoni żagħżugħa, it-tablets huma l-iktar popolari mal-baby boomers; liema persuni twieldu wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
L-istudju qal ukoll li madwar 70% tal-utenti tal-internet jirrikorru għall-internet biex ifittxu dwar il-prodotti u s-servizzi fis-suq, irrispettivament jekk ix-xiri jsirx onlajn jew minn ħanut.
L-internet jintuża l-aktar għax-xiri tal-ħwejjeġ u ż-żraben, ibbukkjar ta’ akkomodazzjoni u biljetti tal-ajru, ibbukkjar ta’ trasport u bbukkjar ta’ biljetti ta’ avvenimenti.
L-istudju żvela li 87% tal-utenti tal-internet jużaw il-midja soċjali biex jikkonsultaw magħha qabel jiddeċiedu x’se jixtru.
Apparti dan, l-istudju qal ukoll li 31% ta’ dawk li jużaw il-midja soċjali jikkummentaw dwar l-esperjenza li kellhom ta’ xi prodott u għaldaqstant jinfluwenzaw konsumaturi oħra.
Barra minn hekk, skont l-istudju, in-numru ta’ konsumaturi li jixtru onlajn darbtejn jew tlieta fix-xahar żdied minn 20% fl-2014 għal 33% filwaqt li l-ammont ta’ konsumaturi li jixtru darba f’ġimgħa laħaq it-13%.