It-tabiba Nadine Delicata se tmexxi Steward Health Care f’Malta

Steward Health Care Malta għadu kemm għażel it-tim eżekuttiv li se jkun qed imexxi l-isptarijiet ta’ Karin Grech, ta’ San Luqa  u dak ta’ Għawdex, taħt it-tmexxija tat-tabiba Nadine Delicata.
Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Steward Health Care spjega li t-tim se jkun qed jaħdem bil-għan li jsaħħa l-operat tal-isptarijiet, bil-għajnuna tal-persuni nkarigati mill-kumpanija fl-Istati Uniti sabiex jistabillixxu “livell ta’ kura ta’ klassi dinjina.”
Sostnew li jinsabu kunfidenti li t-tim Malti għandu l-esperjenza, il-kwalifikazzjonijiet u l-passjoni neċessarja sabiex jissaħħaħ il-livell tas-saħħa fl-isptarijiet.
Dr Delicata, li gradwat fil-mediċina u l-kirurġija mill-Università ta’ Malta, u speċjalizzat fis-saħħa pubblika u l-immaniġjar strateġiku tan-negozji, sostniet li għat-tim tagħha, il-fatt li jifformaw parti minn Steward Health Care se jiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet minn fejn jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u jikbru.
It-tim se jkun magħmul minn John Bezzina bħala d-Direttur għar-Riżorsi Umani, Micky Singh bħala Chief Information Officer, Alessandra Pace bħala Direttur għall-Komunikazzjoni, Dr Stephen Zammit bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Karin Grech, u Joseph Fenech li se jkun qed jieħu post Dr Delicata fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dr Delicata kienet ukoll involuta fit-tim li kien qed imexxi l-operat tal-Vitals Global Healthcare (VGH) f'Malta fis-snin preċedenti. Fl-istess tmexxija kien hemm ukoll, Dr Stephen Zammit u Micky Singh. 
Fl-aħħar xhur, kien hawn numru ta’ diskussjonijiet u diżgwidi dwar jekk Steward Health Care għandiex tieħu f'idejha l-isptarijiet Maltin, speċjalment wara li l-pjan mal-Vitals Global Healthcare falla fix-xhur ta’ qabel.