It-tabib Lawrence Fenech huwa l-14-il vittma tal-coronavirus

Read in English.

Sorsi ta’ Newsbook.com.mt ikkonfermaw li t-tabib Lawrence Fenech huwa l-14-il persuna li tilef ħajtu minħabba li spiċċa pożittiv għall-coronavirus. Diversi persuni li kienu klijenti tiegħu matul is-snin tkellmu fuq Facebook fejn faħħru t-tabib tax-xogħol li kien jagħmel mal-pazjenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Andrew Agius Muscat sostna li Dr Fenech serva bħala tabib tal-familja f’Ħaż-Żabbar u n-Nofsinhar ta’ Malta għal snin twal u kien iżur lill-pazjenti tiegħu fi djarhom minn kmieni filgħodu sa tard bil-lejl, ta’ kuljum u matul is-sena kollha. Iddeskrivieh bħala raġel intelliġenti, umli u ddedikat għall-professjoni tiegħu li tant kien iħobb.

Irrimarka kif Dr Fenech mhux talli kien jgħin fil-fejqan fiżiku tal-pazjenti tiegħu iżda ġieli anke kien jisma’ l-problemi tagħhom u forsi jagħtihom xi parir siewi. Qal li hu esperjenza dan ukoll u darba fost l-oħra, Dr Fenech kien qallu li fil-ħajja, meta tiġri xi ħaġa ħażina u forsi naqgħu, għandna nerġgħu nqumu fuq saqajnha u nkomplu għaddejjin bil-ħajja, ippreparati għall-fatt li se jerġgħu jiġu mumenti li forsi mhux se jkunu daqshekk sbieħ.

Today is a sad day. Dr Lawrence Fenech passed away. For many people who live in the southern part of Malta, Dr Fenech…

Posted by Andrew Agius Muscat on Saturday, September 5, 2020

Iben Dr Fenech fuq Facebook qal li qlabu maqsuma bit-telfa ta’ missieru.

My dear Papa. The day I hoped would never arrive has come. You were, are and will always be my inspiration and role…

Posted by David Fenech on Saturday, September 5, 2020

Intant, l-ispiżerija Verdala wkoll tellgħet messaġġ ta’ ringrazzjament fuq Facebook għat-tabib Fenech.

RIP – Dr. Lawrence Fenech. Grazzi ta kollox

Posted by Verdala Pharmacy on Saturday, September 5, 2020

Sadly it's a colleague

Posted by Frank Portelli on Saturday, September 5, 2020

Propju llum, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li raġel ta’ 85 sena miet fl-Isptar Mater Dei waqt li kien pożittiv għall-coronavirus. L-anzjan kien qed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit (IDU). Huwa ttestja pożittiv fis-26 ta’ Awwissu u ddaħħal l-isptar fl-1 ta’ Settembru hekk kif il-kundizzjoni tiegħu bdiet taqleb għall-agħar.