It-tabelli tal-Milied fit-toroq saru b’xejn – Infrastructure Malta

IM

Read in English.

Infrastructure Malta ma ntalbitx tħallas għal numru ta’ ‘tabelli tat-traffiku’ tal-Milied li twaħħlu f’Diċembru f’ċertu toroq f’Malta.

Kelliem għall-Infrastructure Malta qal lil Newsbook.com.mt li t-tabelli “b’messaġġ t’awguri għall-festi tal-Milied” twaħħlu f’Diċembru “f’numru żgħir ta’ postijiet ta’ veloċità mnaqqsa”.

Il-kelliem ġie mistoqsi jekk IM taħsibx li dawn it-tabelli jistgħux ikunu ta’ periklu għas-sewwieqa. Spjega li l-postijiet ntgħażlu “apposta sabiex ma jkunux ta’ diffikultà għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw mill-inħawi b’mezzi differenti”.

“Peress li t-tabelli twaħħlu b’mod temporanju għal xahar biss u jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw għal għanijiet oħra (b’sinjali differenti) wara li jinqalgħu fil-jiem li ġejjin, Infrastructure Malta ma ntalbet tħallas xejn għalihom,” qal il-kelliem.

IM ippubblikat ritratti ta’ dawn it-tabelli fuq Facebook. Ir-rispons kien wieħed imħallat.

Persuna qalet li tabella għandha tkun hemm biss biex tagħti informazzjoni relevanti u m’għandhiex tkun “gimmick”. Qalet li meta ra t-tabelli l-ewwel darba kellha terġa’ tħares lejhom għax ma setgħetx tifhem x’kienu qed ifissru. Qalet li minħabba f’hekk kellha taqla’ għajnejha minn fuq it-triq.

Persuna oħra kitbet li s-sinjali għoġbuhom ħafna. Appellat lill-Maltin li kienu qed igergru biex ikunu “pożittivi”.

🛑 Have you spotted these signs on the road? #SeasonsGreetings & #HappyNewYear! Thanks to B Grima & Sons for helping us…

Posted by Infrastructure Malta on Monday, December 30, 2019