It-58 sena mill-qtil ta’ Twanny Aquilina, it-tifel ta’ Ġiġa

twanny aquilina

Illum huwa għeluq it-58 sena mindu il-katavru ta’ Twanny Aquilina, tifel ta’ 8 snin, instab fl-appartament tal-ġenituri tiegħu fis-7.45pm.

It-tifel instab f’għadira demm, hekk kif ħanxrulu għonqu b’sikkina tal-ħobż b’mod li kważi qatgħulu rasu barra. Fl-awtopsja, ġie żvelat li kellu diversi ġrieħi gravi oħra.

Is-suspettati kienu primarjament ommu stess, Luigia Camilleri, magħrufa bħala Ġiġa, u r-raġel tagħha Leli.  X’ġara eżattament dakinhar tal-omiċidju u min kien li qatlu għadu kontroversjali sal-ġurnata tal-lum. Waqt li uħud iqisu l-każ bħala konkluż, fejn Ġiġa u Leli qatlu lit-tifel, oħrajn jemmnu li hija traġedja kbira fejn mhux talli miet tifel, talli weħlu l-ħabs nies innoċenti.

Minkejja l-fatt li Ġiġa minn dejjem ċaħdet l-akkużi, hi nstabet ħatja, flimkien mar-raġel tagħha Leli, tal-mewt ta’ binha. Leli ngħata sentenza ta’ 20 sena priġunerija b’xogħol iebes filwaqt li Ġiġa ngħatat il-piena kapitali. Però, l-piena ta’ Ġiġa ġiet appellata u nbidlet biex tingħata sentenza ta’ priġunerija għal għomorha. Minkejja dan, hi ħarġet mill-ħabs għaxar snin wara, mara libera.