56 immigrant jiddaħħlu Malta

Aġġornat 06:51 PM
Wasla Immigranti l-Isla
Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Illum iddaħħlu Malta 56 immigrant, fosthom 13-il tifel u tifla u tlett itrabi.

L-għaqda Alarm Phone ħabbret fuq Twitter li l-awtoritajiet Maltin salvaw u daħħlu lil 43 immigrant, iżda kelliema għall-Ministeru għall-Intern kjarifikat ma’ Newsbook.com.mt li ddaħħlu fil-fatt 56 immigrant.

30 minn dawn kienu rġiel u 10 kienu nisa. Il-bqija kienu tfal.

Fil-jiem preċedenti, l-għaqda kienet ġiet ikkuntattjata min-nies abbord, li qalulha li jinsabu f’periklu, speċjalment minħabba l-maltemp qawwi fil-Mediterran. Alarm Phone għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Maltin u Taljani. L-awtoritajiet Taljani qalulha li mhix responsabbiltà tagħhom, filwaqt li ma ħaditx tweġiba mingħand l-awtoritajiet Maltin.

Hija appellatilhom sabiex isalvaw lil dawn il-persuni billi jinsabu fiż-żona Maltija ta’ salvataġġ. Wara li kienet tilfet kuntatt minn magħhom, Alarm Phone tenniet dan l-appell.

Fl-aħħar sigħat, iżda, jidher li l-vapur tal-merkanzija ALK sabhom u qed joffrilhom kenn, madankollu ma jistax isalvahom minħabba t-temp. Din il-ħidma hi kordinata miċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni Malti.