It-12-il tifel u l-kowċ salvati kollha mill-għar fit-Tajlandja

It-12-il tifel u l-kowċ tagħhom li sfaw maqbuda fl-għar fit-Tajlandja, ġew salvati kollha, qalet l-unita’ tal-flotta SEAL. It-13-il persuna ġew meħlusa mill-għar illum wara ġimagħtejn maqbudin f’għar kawża ta’ għargħar.

“It-tnax-il Wild Boar u l-kowċ inħarġu mill-għar u m’humiex iktar fil-periklu” qalet l-unita’ Tajlandiża tal-flotta SEAL fuq il-paġna uffiċjali tal-Facebook tagħha.

It-tim tal-futbol “Wild Boars” u l-kowċ tagħhom sfaw maqbuda fit-23 ta’ Ġunju waqt li kienu qed jesploraw l-għar fil-provinċja tat-tramuntana ta’ Chiang Rai, wara l-prattika tal-futbol.

Għaddasa Brittaniċi sabu t-13, bil-ġuħ u jitgeddsu flimkien fit-tajn ġo kamra parzjalment mgħarrqa, bosta kilometri ġewwa l-għar.

L-operazzjoni ta’ salvaġġ bdiet nhar il-Ħadd li għadda.