Aġġornata (2): Jitressaq il-Qorti s-suspettat li saq għal fuq bankina u qatel 10

Ix-xufier li qed jiġi akkużat li wettaq attakk f’Toronto lbieraħ, tressaq il-Qorti ftit tal-ħin ilu fejn ġie akkużat bil-qtil ta’ 10 persuni u attentat ta’ qtil ta’ 13-il persuna oħra.
Hu tressaq il-Qorti wara li ġie interrogat mill-Pulizija. Il-kawża tiegħu se tkompli tinstema fl-10 ta’ Mejju.
L-attakk seħħ ilbieraħ fil-ħin meta għadd ta’ persuni jkunu qed jieklu l-ikla ta’ nofsinhar. Skont il-Pulizija, il-van kaxkar kull ma kien hemm quddiemu għal 1.6 kilometri.
Is-suspettat, raġel ta’ 25 sena li qatt ma kien magħruf mal-Pulizija bħala kriminal, ġie arrestat fuq il-post.
Fil-Qorti, r-raġel ma wera l-ebda emozzjoni.
Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau qal li dan kien attakk traġiku u bla raġuni. Qed jingħad ukoll li kien wieħed mill-aktar attakki vjolenti fl-istorja riċenti tal-pajjiż.