Direttorat Ambjentali ma ġiex involut fit-tfassil tar-rapport preliminari

Il-Pjan Strutturali u l-abbozz tal-iStrategic Plan for the Environment and Development jippermettu li istituzzjonijiet edukattivi, bħall-Università Amerikana ta’ Malta proposta għal Ta’ Żonqor, jistgħu isir barra minn żona ta’ żvilupp. Ukoll, id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA ma kienx involut fit-tfassil tar-rapport preliminari dwar l-għażla tas-sit inkwistjoni.
Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg waqt laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp li llum iddiskuta r-Rapport dwar Evalwazzjoni Preliminari tas-Siti dwar l-iżvilupp f’Ta’ Żonqor.  
Il-laqgħa ssejħet fuq talba tal-Membri Parlamentari Dr Marthese Portelli u Ryan Callus permezz ta’ ittra ddatata 25 ta’ Mejju 2015 fejn talbu li l-Kumitat jservi ta’ skrutinju tar-rapport imsemmi.
Johann Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-MEPA spjega li oriġinarjament ntalab mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jidentifika siti fix-xlokk ta’ Malta li huma ikbar minn 50,000 metru kwadru biex issir Università. Id-Dipartiment tal-Artijiet identifikati tlett siti: waħda biswit l-impjant tar-reċiklaġġ f’Ta’ Barkat u s-siti ta’ San Leonardu u ż-Żonqor.  Għall-kummenti tad-Deputat Ċermen tal-MEPA, Carmel Cacopardo, huwa nnota li preżentement qed jiġu analizzati iktar minn mitt sit li huma akbar minn 25,000 kwadru fin-nofsinhar ta’ Malta. Huwa ċaħad ukoll li l-MEPA ma nkludietx mappa tal-Pjan Lokali li tgħid li parti imdaqqsa mis-sit inkwistjoni hija identifikata bħala park nazzjonali.
Ir-rapport inkiteb mill-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA fuq talba verbali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, ma nħassx il-bżonn li d-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA jiġi kkonsultat fit-tfassil tar-rapport għaliex saret it-talba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex dan jinżamm kunfidenzjali. Ukoll, inħass li l-uffiċċju tiegħu kellu l-esperjenza neċessarja.
Joanna Spiteri Staines, f’isem Din l-Art Ħelwa sostniet li m’hemm xejn fil-Pjan Strutturali li jippermetti istituzzjonijiet Edukattivi f’ODZ waqt li l-abbozz tal-iSPED jindika din il-possibilità biss f’każ fejn ma jkunx hemm possibbiltà oħra.
Astrid Vella, f’isem Flimkien għall-Ambjent Aħjar, ikkummentat dwar il-konflitt ta’ interess apparenti li tinsab fih il-MEPA li f’nifs wieħed pproponiet is-sit fejn għandha ssir l-Università Amerikana ta’ Malta u fl-istess ħin se tkun hi li tevalwa u tapprova dan l-investiment. Is-Sur Buttigieg ċaħad kwalunkwe konflitt ta’ interess u sostna li l-analiżi u l-proposta saret mill-branka teknika tal-MEPA waqt li l-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni għall-iżvilupp isir mill-branka regolatorja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil akkuża lil Buttigieg b’informazzjoni skorretta meta sostna li r-rapport mhux qed jirrakkomanda ż-żona Ta’ Żonqor, għaliex ir-rapport, b’mod ċar jeskludi s-siti l-oħra.
Buttigieg ċaħad dan u sostna li r-rapport qiegħed sempliċiment janalizza f’liema s-sit issir l-inqas ħsara ambjentali. Ċaħad ukoll, li ż-żona inkwistjoni hija skedata. Iċ-ċerperson tal- Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp Marlene Farrugia fakkret li l-Pjan Lokali tal-2006 jirrakkomanda l-iskedar ta’ din iż-żona.
Spiteri Staines sostniet li studju bħal dan għandu jsir minn Objective Planning Group, jekk hemm bżonn b’esperti barranin, li janalizza siti differenti mhux a bażi ta’ desktop study.
Għal Mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Buttigieg sostna li l-brief mġedded mogħti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jeskludix is-sit f’Ta’ Żonqor. Ikkonferma wkoll li l-MEPA ma ħassitx li park naturali kellu jkun kriterju li jeskludi l-possibiltà ta’ żvilupp. Il-kriterji identifikati mill-MEPA bħala tali klienu jinkludu siti iddisnjati bħala Special Area of Conservation (SAC), Special Protected Areas (SPA), żoni identifikati bħala High Landscape Value u żoni skedati.  
Il-Whip tal-Gvern id-Deputat Godfrey Farrugia f’intervent quddiem il-kumitat spjega li l-Grupp Parlamentari Laburista, b’referenza għall-Komunikat tal-Front ODZ, sostna li bil-għan li jkun żgurat l-aħjar użu tal-ispazju u salvagwardjat l-ambjent, kwalunkwe żvilupp għandu jkun wieħed sekwenzjali fejn l-ewwel jiġu kkunsidrati żoni diġà żviluppati u biss fl-aħħar istanza art f’ODZ. Wieġeb ukoll kumment taċ-ċerperson tal-Kumitat dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanti tal-gvern meta spjega li l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat jinsab Brussell waqt li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jinsabu indispost.
Arnold Cassola akkuża lill-MEPA b’superfiċjalità fit-tfassil tar-rapport u nuqqas ta’ trasparenza fin-nies li kienu wara t-tfassil tar-rapport.  
Għal mistoqsija dwar kemm, fil-fatt, il-MEPA hi awtonoma meta l-Kap Eżekuttiv inniffsu jistqarr li l-MEPA hi għas-servizz tal-Gvern. Buttigieg wieġeb li hemm distinzjoni bejn id-direttorati tal-MEPA li għandu r-rwol li jagħti pariri, fosthom lill-gvern u lill-istess Awtorità u l-Awtorità nnifisha li tqis l-informazzjoni kollha quddiema u eventwalment tiddeċiedi. Huwa sostna li dan hu rifless fil-fatt li l-Awtorità spiss tiddeċiedi b’mod differenti minn dak li jkun rakkomandat lilha mid-direttorati tal-MEPA.
Alfred Baldacchino, espert ambjentali u eks-uffiċjal għoli tal-MEPA, sostna li r-rapport hu wieħed “fażull” u “dilettantesk” u ma għandu ebda viżjoni ta’ prinċipji ambjentali bħal ekosistema u bijodiversità. Hu ċċita fost l-oħrajn l-eżempju ta’ lista tal-ispeċi fis-sit li ma tagħmel l-ebda referenza għal fawna. Barra min hekk, huwa sostna, tabella użata biex tintwera “l-faqar tal-post” dwar bijodiversità fil-fatt turi r-rikkezza tas-sit. Hu sostna li d-dokument hu wieħed imraqqa fejn ma saritx konsultazzjoni neċessarja lanqas interna, mad-direttorat tal-ambjent.