Istituzzjoni edukattiva mitluba tħallas studenta li korriet waqt esperjenza ta’ xogħol

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeċieda li istituzzjoni terzjarja għandha tħallas €2,545 lil studenta ta’ 17-il sena li korriet waqt esperjenza ta’ xogħol fi stabbiliment privat.
Kien il-Kummissarju għall-Edukazzjoni li rrefera l-każ lill-Ministru wara li l-istituzzjoni ma laqatx ir-rakkomandazzjoni li saret mill-Kummissarju fuq il-każ.
Din l-esperjenza kienet obbligatorja u tifforma parti mir-rekwiżiti tal-kors.
Fil-konklużjonijiet jirriżulta li l-istituzzjoni kienet responsabbli għad-danni, li sofriet l-istudenta, li kienu jinkludu spejjeż mediċi kif ukoll nuqqas ta’ dħul minn xogħol li l-istudenta kienet qed tagħmel is-sajf, minħabba li ma setgħetx tkompli tagħmel ix-xogħol.
Il-Kummissarju rrakkomanda li jingħata kumpens ta’ €2,545 lill-istudenta, li €241 minnhom kienu spejjeż mediċi.
Peress li l-istituzzjoni ma aċċettatx li tħallas 2,304 bħala telf minn xogħol li l-istudenta kienet qed tagħmel għas-sajf.
Kien missier l-istudenta li nsista li jingħata pagament għal telf mix-xogħol li bintu kienet qed tagħmel fis-sajf, minħabba li ma setgħetx tkompli tagħmlu.
Huwa kien qed jitlob ukoll li l-istituzzjoni għandha tinżamm responsabbli għal spejjeż mediċi oħra fil-futur.
L-istituzzjoni kienet lesta li tħallas l-ispejjeż mediċi iżda mhux li tinżamm responsabbli għal spejjeż ulterjuri.