Istitut internazzjonali għat-tisħiħ tal-ġustizzja u l-liġi mis-sena d-dieħla

L-International Institute for Justice and the Rule of Law, li se jitwaqqaf f’Malta se jibda jopera mis-sena d-dieħla.

Dan sostnieh is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry fi New York waqt forum internazzjonali kontra t-terroriżmu madwar id-dinja.

Kerry spjega kif l-Istati Uniti flimkien mal-imsieħba internazzjonali fosthom l-Unjoni Ewropea jinsabu involuti direttament fl-istruttura u l-kurrikulu ta’ dan l-istitut internazzjonali.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan qal li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta hija ideali fejn isir istitut bħal dan.

Huwa rringrazzja wkoll is-sehem tal-Gvern Malti.

John Kerry qal li l-istitut se jservi bħala ċentru għat-taħriġ iddedikat li jsaħħaħ il-ġustizzja, jippromwovi l-ġudikatura reġjonali u l-koperazzjoni mal-Pulizija.

Dan se jwassal għal aktar ġustizzja, liberta’ u sigurta’ fost iċ-ċittadini bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi.

L-istitut se jkun miftuħ ukoll għal taħriġ lil pajjiżi Afrikani li jkunu interessanti speċjalment lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fit-triq tad-demokrazija.