Kampanja madwar l-Ewropa dwar sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew droga

Il-European Traffic Police Network (TISPOL) qed tagħmel kampanja ta’ ġimgħa madwar l-Ewropa għall-għarfien dwar il-perikli jġib miegħu s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew tad-drogi. Il-ġimgħa hi bejn id-9 u l-15 ta’ Diċembru. S’issa mhux magħruf jew il-Pulizja tat-Traffiku ta’ Malta humiex se jieħdu sehem fiha.

Matul din il-ġimgħa l-uffiċjali tal-Pulizija huma mistennija li jiċċekkjaw xufiera f’kull ħin tal-ġurnata jew bil-lejl.

Il-President tat-TISPOL Volker Orben qal li hu perikoluż ħafna li wieħed isuq wara li jixrob l-alkoħol. Barra minn hekk, meta taqbeż il-limitu skont il-liġi, dan ikun kontra l-istess liġi. Meta ssuq hekk ikollok reazzjonijiet aktar bil-mod, ma tagħrafx b’liema speed tkun qed issuq u ma jkunx hemm koordinazzjoni u konċentrazzjoni.

Orben qal li: “Jekk tiċċansja li ssuq meta tkun taħt l-influwenza tax-xorb tkun qed tistieden biex taħbat b’konsegwenzi gravi. Jekk torqod lejl sħiħ wara li tixrob mhix garanzija li tista’ taqbad u ssuq l-għada filgħodu.”

Min jieħdu d-drogi żgur m’għandux isuq. U jekk tieħu xi mediċina ordnata mit-tabib ikun jaqbel li taqra l-effetti tagħha għax xi mediċina tista’ taffettwalek is-sewqan u ssib li wħud minnhom jagħtuk parir biex ma ssuqx wara li toħodhom.

“Dan il-parir hu għal xi skop,” tenna Orbe. “Biex iżomm lilek u lil ħaddieħor bla periklu.”

Il-passiġġieri ngħataw parir biex jekk ikollhom suspett li sewwieq ikun xorob jew ħa xi droga ma jirkbux miegħu.

Il-Malta Automobile Club qabel ma’ dan kollu u tenna li dawn il-pariri jgħoddu mhux biss għall-ġimgħa ta’ bejn id-9 u l-15 ta’ Diċembru imma għal matul is-sena kollha.

Aktar tagħrif fuq https://roadsafetygb.org.uk/news/europe-set-for-crackdown-on-drink-and-drug-driving/

DIn l-informazzjoni twasslet minn Alfred A. Farrugia.