Issuqx bil-mowbajl; 137 mietu, 3,000 weġġgħu gravi

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne wissa lill-istudenti tal-MCAST sabiex ma jsuqux u jagħmlu użu mill-mowbajl fl-istess ħin. Dan qalu waqt attività organizzata fil-ġimgħa ddedikata għas-sigurtà fit-toroq madwar id-dinja kollha.

Hu u jitkellem, Fearne sostna li f’dawn l-aħħar 10 snin fit-toroq Maltin kien hawn 137 fatalità kawża ta’ inċidenti tat-traffiku li minnhom bejn terz u kwart kienu żgħażagħ. Fl-istess inċidenti kien hemm ukoll ftit inqas minn 3,000 persuna li sofrew ġrieħi gravi.

Kompla billi ħeġġeġ lill-istudenti tal-MCAST sabiex ikunu protagonisti u jipprovdu suġġerimenti dwar kif mil-lenti tagħhom jaraw li jista’ jkun hemm aktar sigurtà fit-toroq sabiex jiġu evitati kemm jista’ jkun inċidenti.