Issuqux tal-linja jekk is-sħana taqbeż it-30 grad – UĦM

people waiting to board a bus coronavirus
Miguela Xuereb

Il-UĦM Voice of the Workers qalet lix-xufiera tal-linja membri tagħha li jistgħu jirrifjutaw jużaw xarabank jekk it-temperatura fiha tkun aktar minn 30 °C.

Fi stqarrija l-UĦM qalet li ilha tliet ġimgħat tilmenta mal-Malta Public Transport (MPT) dwar is-sħana insapportabbli li qed ikun hemm. Minħabba l-coronavirus mhux qed tinxtegħel l-arja kondizzjonata. Għalkemm qed jinfetħu t-twieqi t-temperatura f’xi vetturi qed taqbeż id-39 °C.

Min-naħa tagħha l-Malta Public Transport (MPT) qalet li s-saħħa tax-xufiera hija prijorità.

“Din is-sitwazzjoni hija ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, mhux biss għax-xufiera tal-istess vetturi li qed ikunu esposti għal dawn it-temperaturi għoljin għal sigħat sħaħ, iżda anke għall-passiġġieri. Fil-fatt, huwa ippruvat li espożizzjoni fit-tul għal temperaturi għoljin tista’ tikkawża diversi problemi ta’ saħħa,” qalet l-unjin.

Il-UĦM qalet li ħarġet din id-direttiva favur is-saħħa tax-xufiera u tal-passiġġieri.

F’reazzjoni għal dak li qalet il-UĦM, il-MPT qalet li qed timplimenta d-direttivi u rakkomandazzjonijiet kollha li qed isiru mill-awtoritajiet kompetenti.

Il-MPT qalet li hemm xi ġranet li fihom is-sħana fit-terminals taf tkun għolja. Żiedet tgħid li “ġeneralment” it-temperatura tinżel meta x-xarabank tibda tinstaq. Il-MPT ma semmietx kemm tkun għolja t-temeperaturi li fihom ikunu qed jaħdmu l-ħaddiema tagħha.