Issuġġeriti appartamenti ta’ 50sqm għall-familji

Simon Debono, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà, qal li f’disa’ xhur isolvi l-problema tal-kirjiet f’Malta jekk jibni appartamenti ta’ 50 metru kwadru li fihom qal li toqgħod familja.
Spjega li f’dan id-daqs ipoġġi żewġ kmamar tas-sodda, kċina, living room, kamra tal-ikel u kamra tal-banju.
Dan l-argument Debono qalu waqt il-programm Newsline fuq RTK immexxi minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, meta flimkien ma’ Andrè Callus mill-Moviment Graffitti kienet qed tiġi diskussa l-kera f’Malta.
Appartamenti ta’ dan id-daqs illum jitqiesu bħala studio appartaments, u f’ħafna mill-każijiet jinkrew minn persuna jew tnejn massimu, imma skont Debono f’Ġinevra, fejn għandu uffiċċju hu stess, in-nies jgħixu ġo appartamenti ta’ 36 metru kwadru, u dawn l-appartamenti jiswew aktar minn €1 miljun.
Minn kalkolu li għamel Newsbook.com.mt, il-kamra tal-aħbarijiet li jaħdmu fiha l-ġurnalisti hija 5 metri kwadri akbar mill-appartament li Debono jemmen li jqiegħed familja fih.
L-aġent, li hu wkoll sid kumpanija ta’ aġenti tal-proprjetà, jidhirlu li ċertu appartamenti f’akkomodazzjonijiet soċjali tal-Gvern ta’ 250 metru kwadru huma kbr iżżejjed, u qal li dawk l-appartamenti Portomaso ssibhom.
Staqsa huwiex dan it-tip ta’ akkomodazzjoni soċjali li qed iħallas hu mit-taxxa tiegħu.
“Se jkollna ġenerazzjoni futura tgħix fil-gabubi” – Graffitti
Għal dan Andrè Callus qal li l-problema fis-settur tal-kirjiet għal Debono solviha billi tibni l-gabubi, u mhux billi tirregolarizza s-suq kif talbu 17-il entità f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta aktar kmieni dax-xahar.
Enfasizza li ma tistax tħares biss lejn is-suq biex issolvi problema tas-suq.
Fost l-oħrajn, dawn l-entitajiet mhux governattivi pproponew li titwaqqaf entità pubblika li tirregolarizza l-kirjiet.
Biex is-sidien jiġu inċentivati jikru gġal tul ta’ żmien, ipproponew li t-taxxa fuq il-kirja li jħallas is-sid titla’ minn 15% għal 25% għal min il-kuntratt jagħmlu bejn xejn u sentejn, u tinżel minn 15% għal 10% għal min jikri l-post tiegħu għal aktar minn 5 snin. Dawk li jaqgħu fil-medda ta’ bejn sentejn u ħames snin, it-taxxa tkun 20%.
“Proposti tax-xellug estrem” – Debono
L-aġent tal-proprjetajiet wieġeb li hija fantażija li temmen li l-fqir għandu d-dritt jgħix ġo 140 metru kwadru, filwaqt li ddeskriva wħud mill-proposti tal-entitajiet bħala “paroli tax-xellug estrem.”
Sadanittant, Newsbook.com.mt kien ikkuntattja lil Charles Miceli ftit tal-jiem ilu, ftit qabel ma ħalla din id-dinja, u rrimarka li l-aġenti huma kontra kull tip ta’ regolarizzazzjoni tas-suq tal-kera, filwaqt li qal li f’appartament ta’ 50 metru trid tara kemm se joqogħdu nies. Temm jgħid madankollu li aktar nies qed ikollhom joqogħdu f'garaxx.
Tenna l-argument ta’ Callus, li l-problemi tas-suq ma jistax isolvihom is-suq.
Aktar tard il-ġimgħa l-oħra, waqt il-programm Follow-Up  fuq RTK, immexxi minn Sylvana Debono, Mark Zammit mill-Awtorità tal-Ippjanar qal li tul is-snin id-daqs permess żdied.
Irrimarka li fl-2000 appartament b’kamra tas-sodda waħda bil-liġi ma kellux ikun inqas 36 metru kwadru, li telgħu għal 45 metru kwadru fl-2007, u 55 metru kwadru preżentament.