“Issospendu x-xogħol kollu ta’ skavar” – ENGOs; “Lesti niddiskutu” – MDA

Read in English.

Filwaqt li diversi għaqdiet favur l-ambjent qed jitolbu sabiex il-Ministru għall-Ambjent jissospendi x-xogħol ta’ skavar kollu waqt il-pandemija tal-coronavirus, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin qalet li lesta tiddiskuti l-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ ħin li fih wieħed jista’ jagħmel xogħol ta’ twaqqiegħ u skavar.

Fi stqarrija, għadd ta’ għaqdiet għall-ambjent qalu li x-xogħol ta’ kostruzzjoni għandu jiġi limitat bejn it-8.30am u s-1pm waqt il-pandemija tal-coronavirus. Qalu wkoll sabiex ix-xogħol ta’ skavar jiġi sospiż kompletament.

Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi (MDA) qalet li tifhem li l-pubbliku bħalissa għaddej minn inkonvenjent minħabba li jinsab f’pożizzjoni fejn qed jiġi mħeġġeġ jibqa’ f’daru, post li jista jkun maġenb proġetti ta’ kostruzzjoni kurrenti, partikolarment twaqqigħ u skavar. Qalet li tinsab lesta li tiddiskuti mal-awtoritajiet it-tnaqqis temporanju tas-sigħat li fih taħdem l-industrija tal-kostruzzjoni. Qalet li m’għandha l-ebda diffikultà li taqbel ma’ ħin partikolari dan sakemm is-16,000 ħaddiem fl-industrija u l-familji tagħhom jiġu kkompensati għat-tnaqqis ta’ dħul tagħhom minn skemi pubbliċi identiċi għal dawk li qed jingħataw lil industriji u negozji oħrajn.

L-għaqdiet favur l-ambjent qalu li huwa kompletament inġust li għandek residenti li jridu jissaportu ħsejjes kbar li jlaħħqu l-110 decibels għal tmien sigħat kuljum, fi żmien daqshekk delikat. Huma spjegaw ukoll li minbarra l-istorbju, it-trab li jarmi fl-arja x-xogħol ta’ kostruzzjoni jwassal għal diversi problemi respiratorji u jnaqqas l-immunità ta’ persuna. B’hekk dawk l-aktar viċin ta’ siti ta’ kostruzzjoni huma f’riskju akbar li jimirdu bil-COVID-19.

Il-firmatarji huma Flimkien għal Ambjent Aħjar, Graffitti, Friends of the Earth (Malta), Ramblers Association, Isles of the Left, Malta Youth in Agriculture Foundation, the Noise Abatement Society Malta, Futur Ambjent Wieħed, Nature Trust Malta u BirdLife Malta, flimkien mas-Sindki ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema, San Ġwann, is-Swieqi u l-Gżira.

Żewġ liġijiet kunfliġġenti

Intant, fl-istqarrija tagħha, l-MDA innutat li bħalissa hemm żewġ liġijiet kunfliġġenti li jgħidu meta għandhom jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Qalet li minkejja li d-direzzjoni li ngħatat mill-awtoritajiet lill-industrija fis-snin li għaddew kien li x-xogħlijiet jistgħu jibdew fis-7am, l-MDA qed titlob lill-membri tagħha jsegwu l-liġi l-aktar riċenti li hija dik li x-xogħol ta’ konstruzzjoni jista’ jibda biss wara t-8am.

L-MDA qalet ukoll li fl-aħħar jiem irċeviet rapporti li ċertu individwi, li fil-maġġoranza m’humiex membri tagħha, qed jibdew ix-xogħol ta’ demolizzjoni u skavar kmieni ħafna, saħansitra kien hemm min qed jibda fil-5am. L-Assoċjazzjoni kkundannat lil dawn l-individwi u talbet lill-awtoritajiet u lill-Gvern biex jinfurzaw il-liġi b’mod strett.

Intant, l-MDA proponiet li l-gvern jidderieġi lill-Kunsilli Lokali u l-uffiċjali tal-komunità sabiex jinfurzaw il-liġijiet tal-kostruzzjoni u jassiguraw li dawn jiġu segwiti minn kulħadd mingħajr distinzjoni.