Issospendu u investigaw il-bejgħ taċ-ċittadinanza – PN

Read in English.

L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza għandha tiġi sospiża b’mod immedjat, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar iċ-Ċittadinanza Karol Aquilina qal fid-dawl ta’ dak li ħareġ mill-programm Franċiż li wassal għas-sospenzjoni tal-liċenzji ta’ żewġ aġenti, il-programm tal-bejgħ tal-passaporti għandu jiġi sospiż b’effett immedjat.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li għandha tinfetaħ inkjesta biex ikun investigat il-bejgħ ta’ kull passaport Malti li għadda minn taħt idejn id-ditta legali li nqabdet tiftaħar bir-rabtiet u influwenza li għandha mal-Prim Ministru u ma’ bosta ministri tal-Gvern imexxi mill-Partit Laburista.

Ilbieraħ programm investigattiv Franċiż bl-isem Enquête exclusive li xxandar fuq M6, aġenti tal-bejgħ tal-passaporti nqabdu fuq kamera moħbija jiftaħru bil-ħbiberija tagħhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli. Il-Gvern ċaħad l-allegazzjonijiet li saru minn “terzi persuni”.

Malli l-ġurnali bdew jirrappurtaw, l-Aġenzija tal-Gvern li tirregola l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (MIIPA), issospendiet żewġ liċenzji tal-aġenti Chetcuti Cauchi Advisors Ltd.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li dak li ġie żvelat jikkonferma li dan huwa “l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna”. Żied jgħid li l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ Malta diġà saret u jidher li se tibqa’ ssir.

L-Oppożizzjoni ilha mill-bidu li tħabbret l-iskema ta’ bejgħ, kontriha. Il-PN spjega li d-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ għaddej b’din l-iskema qed tpoġġi f’riskju eluf ta’ postijiet tax-xogħol li jiddependu fuq ir-reputazzjoni tajba ta’ Malta fosthom dawk li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji.

L-istess nies li bihom ftaħru, huma l-istess nies li ordnaw li l-liċenzja tagħhom tiġi sospiża’

Il-ġurnalist Matthew Caruana Galizia fuq Twitter spjega li s-sitwazzjoni issa hi li l-aġenti tal-bejgħ tal-passaporti jiftaħru bl-influwenza li għandhom fuq il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli. Kif ukoll li l-liċenzja tagħhom ġiet sospiża fuq ordni tal-istess nies li dwarhom iftaħru mal-ġurnalisti.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil innota li mhux biss il-liċenzja tal-aġenti għadha tiġi sospiża iżda wkoll il-Ministri involuti.

Il-Kap tad-Delegazzjoni u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola fuq Twitter saħqet li l-iskema għandha tiġi mwaqqfa kompletament.

“Qed nistennew li l-Pulizija tieħu azzjoni”

L-attivisti ta’ Occupy Justice fi stqarrija sostnew li qed jistennew lill-Pulizija tieħu azzjoni wara dak li ġie żvelat fil-programm Franċiż.

Occupy Justice sostniet li s-sospenzjoni tal-liċenzji tal-aġenti tal-bejgħ tal-passaporti hi biss biex azzjoni biex taljena minn dak kollu li ġie żvelat ilbieraħ wara r-rapporti li dehru fil-midja.

L-għaqda sostniet li d-dokumentarju juri l-irwol importanti tal-ġurnalisti li xogħolhom huwa li juru l-verità. Żiedet tgħid li l-programm juri wkoll l-korruzzjoni lampanti f’Malta bid-ditti legali jammettu li għandhom aċċess dirett għal persuni fil-gvern. Occupy Justice osservat li t-temi li tqajjmu fid-dokumentarju huma temi li fuqhom kienet tikteb il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Aqra iktar:

Pjaċiri minn Ministri: Il-Kummissarju tal-Istandards jintalab jinvestiga