Issospendu d-direttivi – L-MEA lill-unions

FILE PHOTO: REUTERS/Michele Tantussi

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA) talbet lill-unions rappreżentanti tas-settur tas-saħħa sabiex jissospendu d-direttivi ladarba l-Gvern ħa azzjoni.

Fi stqarrija, l-MEA esprimiet is-sodisfazzjon tagħha ladarba l-avvenimenti tal-massa li kienu ppjanati għal dan is-sajf tħassru. L-MEA qalet li l-unions issa għandhom jissospendu d-direttivi u jiddiskutu l-bqija tal-ilmenti tagħhom f’negozjati.

Kemm l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, kif ukoll l-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel ħarġu set ta’ direttivi għall-membri tagħhom minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija. Fl-aħħar ġimgħat, il-każi tal-coronavirus fil-pajjiż reġgħu bdew jitilgħu minħabba avvenimenti tal-massa li attendew għalihom persuni pożittivi għall-coronavirus u minn hemm, il-virus reġa’ beda jinfirex.

L-MEA sostniet li tifhem li hija biċċa xogħol diffiċli immens li wieħed isib bilanċ bejn is-saħħa pubblika u l-interessi tan-negozji. Esprimiet ukoll li tinsab kunfidenti li permezz tar-rieda tajba u konsultazzjoni adegwata jistgħu jinstabu l-aqwa soluzzjonijiet fl-interess nazzjonali.