Issospendi t-taxxa tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi sospensjoni tat-taxxa tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni, sabiex is-settur tat-turiżmu jirkupra mid-daqqa li ħa fl-aħħar ftit jiem.

Dan qalu fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo. Huwa insista li l-qasam tat-turiżmu matul dawn l-aħħar jiem qiegħed isofri minn sens ta’ inċertezza minħabba l-effetti tax-tixrid tal-COVID-19. Saħaq li dan kollu qiegħed ikompli jiggrava settur li huwa diġà mhedded, minħabba dak li fi kliemu huwa nuqqas ta’ ppjanar minn naħa tal-Gvern.

Arrigo saħaq li l-PN jemmen li jeħtieġ inċentivi biex dan il-qasam jissaħħaħ. “Għalhekk qegħdin nipproponu li t-taxxa tal-VAT ta’ 7% fuq kull tip ta’ akkomodazzjoni f’Malta u Għawdex tkun sospiża. Dan għaliex nemmnu li n-negozji u l-imprendituri tagħna jeħtieġu spalla ta’ għajnuna fi żminijiet ta’ sfida” kompla jgħid il-kelliem tal-Oppożizzjoni.

Minkejja li skont l-awtoritajiet tas-saħħa pubbliku f’Malta għad m’hawnx każ ta’ coronavirus, il-Forum Unjins Maltin qal li sakemm il-Gvern ma jipprojbixxix titjiriet mill-pajjiżi milqutin mill-coronavirus, ma jkunx qed jipproteġi bis-serjetà lill-Maltin u l-Għawdxin.