“Issospendi l-elezzjoni għall-Kap” – Marlene Farrugia lill-PN

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia appellat lill-Partit Nazzjonalista biex jissospendi l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista sas-sena d-dieħla.
Fuq il-paġna tal-PD fuq Facebook, Dr Farrugia elenkat għadd ta’ proposti li fi kliemha jsaħħu lill-Oppożizzjoni.
Dr Farrugia, li kienet diġà stqarret li ma għandha ebda tama fl-erba’ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, qalet li l-PN għandu jibdel l-istatut biex kull membru fil-PN ikun jista’ jivvota għall-Kap tal-PN biex b’hekk ma jkunx hemm klikek.
Hija qalet li kif inhu l-istatut, għalkemm il-kandidati tal-PD ikkontestaw fl-elezzjoni ġenerali taħt il-lista tal-PN xorta ma jistgħux jivvotaw fl-elezzjoni tal-Kap tal-PN.
Hija qalet li l-PN twaqqaf biex iservi għall-interess nazzjonali. Saħqet li fil-mument l-interess nazzjonali hu li l-PN joffri Oppożizzjoni b’saħħitha. Fil-kitba tagħha fuq Facebook staqsiet jekk wieħed mill-erba’ kandidati għall-Kap tal-PN, hux lest li jservi fl-interess nazzjonali.
Ritratt: arkivji
https://ssl.gstatic.com/ui/v1/icons/mail/images/cleardot.gif