Issospendewha mis-serje EastEnders

Jessie Wallace (EastEnders)

L-attriċi Jessie Wallace ġiet sospiża għal xahrejn minn fuq is-sett tas-sensiela EastEnders. Dan wara li marret fis-sakra għall-ġbid ta’ puntata li se jixxandar fid-19 ta’ Frar u li se jkun jimmarka l-35 anniversarju ta’ din is-soap opera tal-BBC.

Apparti li marret fis-sakra, l-attriċi ta’ 48 sena kellha wkoll xi argumenti mal-cast u l-crew li kienu preżenti fuq is-sett.

Minħabba l-inċident li nqala’ t-tim tal-produzzjoni bagħat għall-attriċi u għarrafha li b’mod immedjat se tkun qed tiġi sospiża mis-sensiela. B’hekk hija se ddum xahrejn sospiża minn fuq is-sett, żmien li huma qed jittamaw li huwa biżżejjed biex hi ssolvi xi problemi li hija għandha.

L-ikbar problema se tkun kif se jispjegaw l-assenza tal-karattru ta’ Kat minn din is-sensiela.