“Issirux foloz u tfittxu li tintgħoġbu” – Franġisku liż-żgħażagħ

Fl-okkażjoni ta’ Jum iż-Żgħażagħ li kien iċċelebrat ilbieraħ fl-Italja, il-Papa Franġisku qal li hu ried li ż-żgħażagħ jingħataw responsabbiltajiet importanti fi ħdan il-Knisja u appellalhom biex ma jsirux foloz billi jfittxu li jintgħoġbu, fost l-oħrajn b'ħafna likes fuq Facebook.
Il-Papa appella liż-żgħażagħ biex ma jinħbewx wara maskri jew identità falza biex jintgħoġbu għax aħna ma nirbħux l-għajnuna t’Alla u ma nersqux eqreb lejh għax ikollna “curriculum vitae” tajjeb u mimli merti u suċċessi.
Qalilhom biex ma jħallux il-fjamma taż-żgħożija tintefa fid-dlam ta’ xi kamra magħluqa fejn l-unika tieqa fuq id-dinja hu l-kompjuter jew ll-ismartphone.
Hu awgura li l-Knisja jkollha l-kuraġġ li tafda fiż-żgħażagħ aktar responsabbiltajjiet u huma jkunu ppreparati biex jidħlu għalihom.
Il-Papa fakkar li s-sena li għaddiet “għażilna li nkunu akkumpanjati f’dan il-vjaġġ mill-eżempju u bl-interċessjoni ta’ Marija li Alla għażel biex tkun omm ibnu. Hi timxi magħna lejn is-Sinodu u lejn il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama s-sena d-dieħla.
“Din is-sena se nisimgħu l-vuċi t’Alla li jispira fina kuraġġ u jagħtina l-grazzji meħtieġa biex inwieġbu għas-sejħa tiegħu: Tibżax Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla.
F’messaġġ għal dan il-Jum il-Papa Franġisku kiteb: Hawn ħafna żgħażagħ li jħossu l-bżonn li jkunu differenti minn dak li verament huma fi sforz biex jaddattaw għal livelli artifiċjali li ħafna drabi ma jistgħux jintlaħqu. Il-ħin kollu jużaw il- “photoshop” għad-dehra tagħhom u jistaħbew wara maskri u identitajiet foloz tant li kważi jsiru foloz huma nfushom. Ossessjonati biex jintgħoġbu kemm jifilħu.  Minn dan is-sens ta’ inegwatezza jinħolqu biżgħat u inċertezzi
Oħrajn jibżgħu li ma jirnexxilhomx isibu s-sigurtà emezzjonali u se jibqgħu weħidhom.
Ħafna li huma ffaċċjati bl-inċertezza tal-impjieg jibżgħu li mhux se jirnexxilhom jiksbu pożizzjoni professjonali sodisfaċenti jew mhux se jwettqu l-ħolma tagħhom.
Ħafna żgħażagħ illum huma mimlija biża’, kemm jekk jemmnu u anke jekk ma jemmnux. Ħadd ’hu eskluż minn dan il-biża’.
Għall-Papa “f’mumenti meta d-dibji u l-biża’ jimlew qalbna hu meħtieġ li niddixxernu biex il-ħsibijiet konfużi tagħna npoġġuhom fl-ordni u naġixxu b’mod ġust u prudenti.
Tibżgħux tiffaċċjaw il-biża’ tagħkom bl-onesta biex tagħrfuhom sew u tiffaċjawhom”. 
Żied li ħafna drabi ostaklu għall-fidi mhux ix-xettiċiżmu iżda l-biża’. Jekk nifhmu dan, id-dixxerniment jidentifika l-biżgħat tagħna u jgħinna negħlbuhom u jgħinna biex bil-kalma niffaċċjaw l-isfidi li jiġu quddiemna.
Għalina l-Insara, b’mod partikolari, il-biża’ qatt m'għandu jkollu l-aħħar kelma imma jservi bħala okkażjoni biex nagħmlu att ta’ fidi f’Alla… u fil-ħajja. 
Għax jekk noqogħdu nibżgħu, nibqgħu msakkra fina nfusna biex niddefendu ruħna minn kollox u minn kulħadd u nispiċċaw paralizzati. “Irridu naġixxu. Qatt tingħalqu fikom infuskom. Fl-iskrittura, l-espressjoni “tibżgħux” insibuha 365 darba f’varjazzjonijiet diversi bħallikieku trid tgħidilna li Alla jridna nkunu ħielsa mill-biża’ kull jum tas-sena.
Għall-Papa Franġisku li tiltaqa’ u tiddjaloga maż ħutek fil-fidi li għandhom aktar esperjenza jgħinha naraw aħjar u nagħżlu bil-għaqal mid-diversi possibiltajiet li jkollna. F’każ ta’ dubju tistgħu tiddependu fuq il-Knisja. Hemm ħafna saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi tajba, ħafna minnhom żgħażagħ li jistgħu jgħinukom, kiteb liż-żgħażagħ.
“Importanti li fil-bliet u l-irħula tagħna noħolqu spazji fejn nistgħu nikbru, noħolmu u nħarsu lejn orizzonti ġodda.
Titilfux l-entużjażmu li tgawdu l-kumpanija u l-ħbiberija tal-oħrajn u l-gost li toħolmu u timxu flimkien.
L-Insara ta’ veru ma jibżgħux jinfetħu għal oħrajn u jaqsmu magħhom l-ispazji tal-fraternità”.