Issir l-ewwel laqgħa bejn il-Ministru Abela u NGOs dwar l-immigrazzjoni

Wara l-appell li sar fuq il-midja mill-NGOs fil-qasam tal-immigrazzjoni, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali l-ġdid Carmelo Abela, iltaqa’ magħhom ġimgħa biss wara li sar Ministru.
Fost l-oħrajn iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-KOPIN, Il-Kummissjoni Emigranti, Integra, Aditus, JRS, Migrants Network for Equality, l-Organizzazzjoni għall-Ħbiberija fid-Diversità u SOS Malta.
Il-Ministru qal li jixtieq li jkun hemm aktar laqgħat spissi mal-għaqdiet mhux governattivi, filwaqt li rringrazzjahom tax-xogħol siewi li jagħmlu.
Qal li f’dan il-qasam, it-triq ‘il quddiem hi li ssir Politika Nazzjonali tal-Immigrazzjoni li jkollha perspettiva olistika u li tiġbor flimkien ix-xogħol u r-responsabbiltajiet mifruxa fuq diversi Ministeri. Enfasizza li hu jara lill-NGOs bħala sieħba u mhux avversarji.
L-NGOs qablu li lesti li jikkontribwixxu f’dan il-proċess. 
Ritratt: DOI – Omar Camilleri