Issir l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-‘Land Rover Malta Marathon’

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ dalgħodu ittellgħet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Land Rover Malta Marathon. Edizzjoni li din is-sena rat rekord ta’ ‘l fuq minn 3,000 parteċipant.

Il-Maratona annwali hija twila 42 kilometru bil-parteċipanti jagħżlu li jew jimxuha inkella jiġruha. Dawk li japplikaw għandhom l-għażla wkoll li jew jagħmlu r-rotta sħiħa jiġifieri dik ta’ 42 kilometru jew japplikaw għal nofs ir-rotta, ta’ 21 kilometru. Ir-rotta tibda mill-Imdina u tispiċċa fix-xatt Ta’ Sliema.

Il-parti l-kbira tal-mixja jew ġirja hija għan-niżla bil-punt tat-tluq jimmarka l-200 metru l-fuq mill-livell tal-baħar u l-punt tal-wasla huwa propju f’xatt il-baħar. Waqt li dawk li jagħmlu nofs il-maratona għandhom triq dritta mit-tluq sat-tmiem, dawk li jagħmlu r-rotta sħiħa għandhom żewġ dawriet waħda pjuttost qasira f’ Ta’ Qali tul ta’ 4 kilometri u dawra oħra ferm itwal fuq distanza ta’ 27 kilometru mal-irħula tal-Mosta, Ħ’Attard u lura Ta’Qali.

Għalkemm il-maratona tieħu forma ta’ tellieqa, ħafna mill-parteċipanti jagħżlu li jħallu l-element kompetittiv warajhom u jikkonċentraw iżjed fuq l-għan aħħari li jaslu sat-tmiem. Il-fatt li wieħed ikun ipparteċipa diġa’ huwa element qawwi ta’ sodisfazzjon.