Issir ir-4 laqgħa tal-pajjiżi li se jkunu qed jippresedu l-Kunsill Ewropew

It-Trio li se jkun qed jippresiedi fuq il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bejn Jannar tal-2016 u Ġunju tal-2017, l-Olanda, is-Slovakkja u Malta qed jiltaqgħu f’dawn il-jiem fi Bratislava fis-Slovakkja.
Id-delegazzjoni Maltija hija mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea Ian Borg.
Fil-laqgħat qed jiġi diskuss l-ewwel abbozz tal-programm ta’ 18-il xahar tal-Presidenza sabiex wara aktar evalwazzjonijiet interni jiġi approvat uffiċjalment il-programm tal-Presidenza Maltija. 
Matul il-laqgħat, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg kompla jisħaq fuq setturi meqjusa sensittivi għal pajjiżna bħall-immigrazzjoni. 
It-taħdidiet koprew ukoll suġġetti oħra fosthom l-aspett loġistiku, organizattiv kif ukoll dak tal-komunikazzjoni.