Issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-APS Funds SICAV plc

APS

Read in English.

It-Tnax-il Laqgħa Ġenerali Annwali tal-APS Funds SICAV p.l.c. saret fl-1 ta’ Ottubru 2020. In konsiderazzjoni tal-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali b’rabta mal-pandemija COVID-19, u speċjalment l-Avviż Legali 288 tal-2020, id-Diretturi għażlu li l-laqgħa ssir fil-magħluq.

Iċ-Chairman tal-Bord, is-Sur Tony Mejlaq, ħejja indirizz lill-azzjonisti li jinsab disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ link mis-sit elettroniku apsfunds.com.mt. Hemm ukoll żewġ preżentazzjonijiet li jinsabu fuq is-sit tal-Kumpanija li jittrattaw il-prestazzjoni tas-swieq u tal-fondi. Dawn huma waħda bl-Ingliż u l-oħra bil-Malti, u tħejjew rispettivament minn David Lanzon, Portfolio Manager fl-APS Bank p.l.c. u minn Josef Portelli, Managing Director ta’ ReAPS Asset Management Limited. ReAPS Asset Management Limited hija kumpanija sussidjarja kollha kemm hi tal-APS Bank p.l.c. u timmaniġġja l-APS Funds SICAV p.l.c.

L-APS Funds kellha prestazzjoni pożittiva matul l-2019. L-Ishma ta’ Akkumulazzjoni tal-Income Fund telgħu fil-valur bi 8.23% waqt li l-Ishma ta’ Akkumulazzjoni tal-Klassi C tar-Regular Income Ethical Fund u d-Diversified Bond Fund żdiedu bi 11.15% u 9.52% rispettivament. Sfortunatament il-pandemija globali ħalliet impatt negattiv fuq is-swieq tal-assi, sew internazzjonalment kemm lokalment, hekk li l-istess klassijiet ta’ ishma tal-fondi rispettivi msemmija waqgħu bi 3.43%, 1.91% u 1.38% fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Fiż-żewġ nofsijiet tal-2019 kif ukoll fl-ewwel nofs tal-2020 il-klassijiet tal-Ishma ta’ Distribuzzjoni tat-tliet fondi kollha ħallsu dividend fid-dati meta kien imiss it-tqassim.

Bejn il-bidu u l-aħħar tas-sena 2019 it-total tal-assi amministrati (AUM) fl-APS Funds SICAV p.l.c. kibru minn €149.9 miljun għal €170.9 miljun biex imbagħad reġgħu ċkienu għal €167.6 miljun sat-30 ta’ Ġunju 2020. Minkejja l-kundizzjonijiet ta’ sfida fl-ekonomija u fis-swieq, l-intenzjoni dikjarata tal-Bord u tal-APS Bank p.l.c. hi li jkomplu jkabbru n-negozju tal-APS Funds. Infatti f’Ġunju ta’ din is-sena ġiet varata klassi ġdida ta’ ishma fl-Isterlina fid-Diversified Bond Fund, kif ukoll għadu kif twaqqaf ir-raba’ Fond, bl-isem ta’ Global Equity Fund. Il-mira ta’ dan il-Fond hi li jinvesti f’portafoll diversifikat ta’ ekwitajiet internazzjonali.

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali ġew ukoll maħtura mill-ġdid is-Sur Tony Mejlaq, is-Sur Joseph Portelli u s-Sur Etienne Borg Cardona bħala Diretturi tal-APS Funds SICAV p.l.c., u reġgħu nħatru Deloitte Audit Ltd bħala awdituri tal-Kumpanija. Barra minn hekk, tressqet quddiem l-azzjonisti riżoluzzjoni straordinarja biex il-Memorandum u l-Istatut tal-Kumpanija jkunu emendati biex jidħlu bidliet ħalli titħaffef it-tmexxija tal-Kumpanija u jkun hemm aktar ingaġġ mal-azzjonisti. Madankollu, billi ma ntlaħaqx wieħed mil-limiti minimi meħtieġa biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, se ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja b’mod distanti fit-30 ta’ Ottubru biex tikkonsidra r-riżoluzzjoni.

Dan it-tagħrif twassal minn APS Bank.