Aġġornata b’iktar ritratti: L-inawgurazzjoni tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku

Fil-Vatikan, mijiet ta’ eluf ta’ persuni, attendew għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku. Iċ-ċerimonja ħadet madwar sagħtejn.

Attendew delegazzjonijiet minn 33 Knisja Kristjana u 132 rappreżentant ta’ gvernijiet jew organizazzjonijiet bħalma huma Lhud, Musulmani u Buddisti.

Id-delegazzjoni Maltija kienet magħmula mill-President George Abela, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Lawrence Gonzi u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella. L-Isqof Awżiljarju u Vigarju ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, attenda f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija.

Għall-quddiesa fi Pjazza San Pietru kien hemm preżenti żewġt itfal ta’ Puttinu Cares u tnejn oħra mid-Dar tal-Providenza. Il-Gvern Malti ħallas il-vjaġġi ghal dawn it-tfal.

Iċ-ċerimonja ġiet trasmessa fuq it-televiżjoni u mxandra madwar id-dinja. Qabel ma’ beda l-quddiesa, Franġisku nstaq fuq karozza għolja u mikxufa madwar Pjazza San Pietru fejn sellem lill-folla preżenti. Il-Papa Franġisku kien elett waqt Konklavi tal-Kardinali l-ġimgħa li għaddiet wara li l-Papa Benedittu XVI kien irriżenja u rtira f’ħajja ta’ talb u kontemplazzjoni.

Il-Papa Franġisku huwa l-ewwel Papa li ġej minn pajjiż Amerikan. Meta kien qed idur bil-karozza xejjer lil folol kbar miġbura fi Pjazza San Pietru.

Iċ-ċerimonja bdiet minn ħdejn il-qabar ta’ San Pietru fil-qalba tal-Vatikan u kompliet fil-pjazza, il-post fejn sar il-martirju ta’ San Pietru, li tiegħu huwa suċċessur il-Papa.

Il-purċissjoni mis-sagristija tal-Vatikan baqgħet sejra lejn il-qabar ta’ San Pietru. Ħdejn it-tebut sar it-talb. Il-Papa kien akkumpanjat mill-Kapi tal-knejjes Katolliċi Orjentali. Huma kkonċelebraw il-quddiesa flimkien mal-kardinali l-oħra. Ħdejn il-qabar, id-Djakni ppreżentaw il-Vanġelu, iċ-ċurkett u l-Palju li huma s-sinjali tal-Pontifikat.

Iċ-ċurkett li ngħata l-Papa huwa ndurat bil-fidda, u mhux bid-deheb, u fih hemm il-figura ta’ San Pietru biċ-ċwievet. L-arma tal-pontifikat u l-motto tiegħu baqgħu l-istess bħal ta’ meta kien Isqof. Il-motto huwa ‘miserando aqtue eligendo’ jiġifieri ‘fqir imma magħżul’.

Wara l-quddiesa, il-Papa daħal fil-Bażilika u hemmhekk laqa’ lill-kapijiet u l-mexxejja tal-pajjiżi differenti li attendew għaċ-ċelebrazzjoni.