Issimplifkat il-proċess għall-Pensjoni tar-Romol

Nifs ġdid għal kull min jixtieq jibda jieħu l-Pensjoni tar-Romol hekk kif il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Farrugia ħabbar simplifikar f’din il-pensjoni.
Sal-lum persuna li tkun għadha kemm tilfet persuna għażiża li tkun għexet magħha, kien ikollha tiġbor iċ-ċertifikat tal-mewt u tmur tapplika fl-Uffiċċju Distrettwali; biex imbagħad tiġi ipproċessata fid-Dipartiment tal-Belt Valletta.
Mill-ġimgħa li ġejja, armel jew armla se jirċievu ittra u jmorru biss fl-Uffiċċju Distrettwali biex jagħtu l-informazzjoni meħtieġa ħalli tinħadem il-pensjoni.
F’każ li l-konjugu li miet ikun diġà pensjonant, l-armel jew l-armla jirċievu ittra fejn jintalbu jagħtu biss l-IBAN tal-kont tal-Bank biex jirċievu l-pensjoni direttament f’dak il-kont.
Kemm-il darba l-persuna li tormol tmur jew ma tmurx fl-Uffiċċju Distrettwali, din xorta tirċievi ittra ta’ avviż biex tapplika għall-Pensjoni tar-Romol u hekk jibda l-proċess li semmejna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li l-pensjoni tingħata mingħajr tnaqqis lir-Romol kollha li jkunu jaħdmu, mingħajr eċċezzjoni.
Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jaħdem biex fl-ibliet u l-irħula jkun hemm OneStopShop li jservi ta’ customer care.