Issiktux il-vuċi tal-paċi

Il-Kardinal Philippe Ouédraogo ta' Burkina Faso

Il-Kardinal Philippe Ouédraogo, Arċisqof Metropolitan taddjoċesi ta’ Ouagadougou, f’Burkina Faso, għamel appell qawwi għall-paċi waqt laqgħa organizzata mill-assoċjazzjoni “Reliġjonijiet għall-Paċi”.

Il-laqgħa li saret fi New York kienet maħsuba b’mod partikolari biex tfiehem kif ir-reliġjonijiet jistgħu jkunu l-pedament għall-bini tal-paċi fid-dinja u kif dawn l-istess reliġjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għar-rikonċiljazzjoni internazzjonali.

Paċi dejjiema

“Il-kooperazzjoni fuq livell nazzjonali, l-ewwel bejn ir-reliġjonijiet infushom u mbagħad bejn ir-reliġjonijiet u l-istituzzjoni statali, hi rekwiżit essenzjali għall-paċi vera u dejjiema fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja” sostna il-Kardinal Ouedraogo.

Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn tal-assoċjazzjoni “Reliġjonijiet għall-Paċi” li tipprova toħloq il-kundizzjonijiet li fihom il-persuni “fid-diversità tal-identità, fidi u kultura tagħhom jistgħu jgħixu f’armonija u libertà u bogħod mid-diskriminazzjoni u l-persekuzzjonijiet”.

Il-Kardinal Oueadrogo ħeġġeġ lil “Reliġjonijiet għall-Paċi” biex jinkoraġixxu l-ħolqien ta’ strurruti ta’ djalogu inter-reliġjuż f’kull pajjiż tad-dinja. Dan kien messaġġ importanti ħafna wara li żdiedu l-attakki mill-Jihadisti li qed joħolqu inkwiet u tħarbit f’Burkina Faso – pajjiżu – kif ukoll fir-reġjun Afrikan ta’ Sahel.

Gruppi bħalma huma Ansarul Islam jew “Grupp li jappoġġja l-Islam u l-Musulmani” li hu attiv f’Jama, huma umbrella tal-ġellieda ta’ Al Qaeda li bħalissa qed joħolqu vjolenza kbira f’Burkina Faso u Sahel, bl-aħħar attakk imdemmi seħħ fl-1 ta’ dan ix-xahar f’Foutouri, fil-Burkina.

F’dan il-każ, il-jihadisti wettqu l-attakk waqt li  membri tal-Knisja Portestanta kienu miġbura għall-Quddiesa tal-Ħadd u qatlu 14-il persuna, fosthom xi tfal.

Dokument tal-Paċi

Fis-7 ta’ Novembru kien seħħ attakk ieħor li fih inqatlu 37 persuna oħra f’Burkina Faso filwaqt li 60 persuna oħra sfaw feruti f’attakk fuq ħaddiema tal-minjieri.

F’dik l-okkażżjoni, il-Papa Franġisku waqt l-udjenza ġenerali fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Novembru li għadda kien għamel appell qawwilill-awtoritajiet tal-Burkina Faso biex jipproteġu lill-persuni ċivili u jżidu l-isforzi biex isibu soluzzjoni li twaqqaf din il-vjolenza.

Dakinhar, il-Papa kien qal: “Ninkoraġixxi lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi u lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jimmultiplikw l-isforzi tagħhom fl-ispirtu tad-Dokument ta’ Abu Dhabi dwar il-Fraternità Umana, biex ixettlu d-djalogu inter-reliġjuż u l-armonija”.