Il-Fondazzjoni Richmond qed tesperjenza żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha, u tnaqqis fir-riżorsi kkawżat mill-pandemija tal COVID-19. Minħabba f’hekk, minbarra li fetħet sejħa għal appoġġ monetarju, il-Fondazzjoni talbet ukoll għal persuni biex jgħinu bħala voluntiera magħha f’dan il-perjodu diffiċli.
Spjegat li ż-żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, jista’ jikkawża pressjoni fuq ir-riżorsi umani tal-Fondazzjoni. L-akkwist ta’ aktar voluntiera se jgħin sabiex il-Fondazzjoni tkun tista’ toħloq pjan ta’ kontinġenza effettiv.
It-tip ta’ xogħol volontarjat li wieħed jista’ jagħmel mal-Fondazzjoni Richmond ivarja minn konsenja ta’ bżonnijiet għal xogħol amministrattiv. Il-perjodu huwa dak ta’ bejn 3 xhur u 12-il xahar bil-possibiltà li dan jiġi estiż skont il-ħtieġa.
Intant, il-Fondazzjoni spjegat li dawk li japplikaw u jinstab li huma eliġibbli biex jagħtu s-servizzi li għandha bżonn hi jaf jintalbu jibdew ix-xogħol volontarju tagħhom fi żmien qasir ta’ madwar ġimgħatejn jew tliet ġimgħat. Fondazzjoni Richmond se tkun qed tipprovdi taħriġ lill-voluntiera kollha tagħha.
Il-Fondazzjoni qed tfittex ukoll l-għajnuna ta’ voluntiera professjonisti li ġejjin mill-oqsma tal-counselling, psychiatric nursing, psikoloġija, psikoterapija, social work u youth work japplikaw biex jingħaqdu magħha bħala voluntiera.
Jekk tixtieq tissieħeb mal-Fondazzjoni Richmond għafas hawn.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.