Il-fenka li ġiet abbandunata aktar kmieni dan ix-xahar fil-Petting Farm f’Ta’ Qali sabet xortiha għand familja ġdida.
Mal-aħbar li nstabet fenka mill-ħaddiema tal-post, il-Malta Rabbit Club irċieva madwar 50 messaġġ u fosthom kien hemm il-messaġġ ta’ waħda mill-membri tal-klabb, Sharon Bajada, li kienet l-ewwel waħda li talbet biex tadottaha. Il-familja semmew il-fenka Felicity.
Il-fenka li kienet ġiet traskurata mis-sidien li kellha qabel, illum għandha familja li tħobbha u tagħtiha l-attenzjoni meħtieġa.
Il-President tal-Malta Rabbit Club, Felix Farrugia, saħaq li meta persuna tidħol għall-inkarigu li trabbi fenek ikun aħjar li qabel jagħmel kuntatt mal-klabb sabiex jingħata gwida u pariri siewja għaliex il-fniek huma kreaturi ħajjin u mhux ġugarelli.