Issib il-windscreen tal-karozza mkisser f’Tas-Sliema

Mara li kienet ipparkjata fi Triq San Duminkun Tas-Sliema sabet il-windscreen tal-karozza mkisser.

Il-każ seħħ illum bejn l-9.45am u l-11.15am. F’post fuq Facebook Karyn Bonett spjegat li hija kienet ipparkjata viċin sit ta’ kostruzzjoni imma ma kien hemm l-ebda sinjal li jindika biex ma jipparkjawx karozzi u lanqas ħaddiema fis-sit.

Il-mara qalet li fortunatament kien hemm il-karozza u mhux ras xi ħadd. Hija spjegat li min għamel dan l-att kellu ċ-ċans inaddaf warajh hekk kif fuq il-post ma nstab xejn li seta’ waqa’ u kisser il-windscreen.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat dan l-inċident u spjegat li oġġett iebes waqa’ fuq il-windscreen tal-karozza. Meta mistoqsija minn Newsbook.com.mt jekk kienx hemm xi kameras tas-sigurtà, il-Pulizija qalet li saret tfittxija għal kameras fil-viċinanzi madankollu din irriżultat fin-negattiv.

L-investigazzjonjiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Il-mara appellat biex jekk kien hemm xi ħadd li kien għaddej u ra xi ħaġa jibgħatilha messaġġ privat fuq Facebook.