Isserraħx rasek jekk ibblokkjajt lil xi ħadd fuq Facebook

Jekk ibblokkajt lil xi ħadd fuq Facebook, aħjar terġa’ tiċċekkja sew għax jista’ jkun li m’għadux ibblukkat. Dan wara li Facebook wissa lil madwar 800,000 utent li minħabba problema teknika, xi nies li ġew ibblokkati ma baqgħux iktar ibblokkati għal perijodu ta’ żmien.

Facebook spjega li dan ifisser li persuni bblokkati setgħu xorta jibgħatu messaġġi lil min ibblokkjahom, kif ukoll jaraw il-profili tagħhom. Din il-problema teknika laqtet lil dawk li jużaw Facebook u l-app tal-Messenger.

Ġie spjegat li l-problema damet għaddejja bejn id-29 ta’ Mejju u l-5 ta’ Ġunju u li issa ġiet irranġata. Dawk li ntlaqtu kellhom jirċievu messaġġ dirett minn Facebook.

Esperti fit-teknoloġija qed iqisu dan bħala żball kbir minn Facebook, l-aktar fid-dawl ta’ vittmi ta’ abbużi jew eks-sieħba li jiġu bblokkati minħabba diversi raġunijiet.