Issalva wara li twieldet b’qalbha barra; il-ġenituri rrifjutaw parir għall-abort

Tarbija li twiledet b’qalbha barra minn ġisimha salvat wara li sarulha numru ta’ operazzjonijiet fl-isptar Glenfield f’Leicester fl-Ingilterra.
Il-ġenituri ta’ Vanellope li huma minn Nottingham qalu li binthom hija “ġellieda ta’ veru”.
Omm it-tifla qalet li kien xokk kbir għaliha li mill-ultrasound tinduna li qalb bintha qiegħda barra u ma kinux jafu x’jista’ jiġri.
Minn test ta’ demm li jqum ħafna flus, il-ġenituri saru jafu li ma kienx hemm anomalijiet kromożomiċi u dan qawwilhom qalbhom biex ikomplu bit-tqala.
Missier it-tarbija qal li ngħataw parir biex jagħmlu abort billi ċ-ċansijiet li t-tarbija ssalva kienu żgħar ħafna. “Ħadd ma emmen li kellha ssalva ħlief aħna” temm jgħid il-missier.
It-tobba f’dan l-isptar li jispeċjalizza fil-mard tal-qalb u mard respiratorju għamlu tliet operazzjonijiet fuq it-tifla biex ipoġġu l-qalb lura f’sidirha.
Il-kundizzjoni, ectopia cordis, hija rari ħafna bi ftit każi jirriżultaw minn miljuni mwielda, fosthom imwielda mejta. L-isptar qal li ma jaf b’ebda każi fl-Ingilterra fejn trabi b’din il-kundizzjoni salvaw.