Issalva koala mill-ħruq fl-Awstralja

Ritratt: KETK

Il-ħruq fil-foresti li laqat lill-kosta tal-lvant tal-Awstralja s’issa ħaraq aktar minn 2.5 miljun ta’ ettari. F’dan il-ħruq intlaqtu diversi tipi ta’ annimali. Imma l-aktar annimal li sofra huwa l-koala, l-annimal indiġenu tal-pajjiż.

Il-popolazzjoni ta’ dan l-annimal hi meqjusa bħala waħda li għandha theddida li se tinqered minn fuq wiċċ id-dinja. Għalhekk kull annimal minn dawn li jkun salvat huwa ta’ ġid kbir għall-ispeċi tagħhom.

Ritratt: KETK

L-att kuraġġjuż ta’ mara li salvat wieħed minnhom ngħata pubbliċità kbira. Din il-mara, li isimha ngħata bħala Toni, rat lill-koala qalb il-fjammi. Għalhekk qasmet it-triq, ġabritu, neħħiet il-qmis u għattietu biha u bdiet ixxarrbu bl-ilma biex ittaffilu l-uġigħ tal-ħruq li ġarrab.

Toni qalet li kienet se tieħu lill-koala fi sptar li jikkura dawn it-tip ta’ annimali, faċilità li bħalissa qed tieħu ħsieb aktar minn 15-il annimal minnhom. Il-faċilità appellat lin-nies biex jikkontribwixxu s-somma ta’ $25,000. Iżda fi żmien qasir malajr inġabret is-somma ta’ aktar minn $879,000.

Ritratt: KETK

F’dan il-ħruq fl-Awstralja jingħad li hu maħsub li mietu aktar minn 350 koala li kienu jinsabu f’dawk l-inħawi fejn hemm l-aħjar ambjent għalihom fejn jgħixu.