“Issagrifikaw ħajjithom; ma nirrovinawx is-suċċess” – MEHOA

DOI - Clodagh O'Neill

L-Assoċjazzjoni tal-Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali (MEHOA) fakkret kif l-uffiċjali tagħha ssagrifikaw ħajjithom minħabba l-ġlieda kontra l-coronavirus. Insistiet li wieħed m’għandux jippermetti li s-suċċess li nkiseb s’issa jkun irvinat.

Fi stqarrija, l-MEHOA ngħaqdet ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn biex twassal il-messaġġ tagħha sabiex il-poplu joqgħod attent anke jekk il-miżuri jonqsu b’mod drastiku. Qalet li jista’ jkun hemm konsegwenzi serji ħafna li jistgħu jaffettwaw lill-poplu Malti u Għawdxi.

L-assoċjazzjoni qalet li filwaqt li tifhem li l-ekonomija hija importanti, wieħed japrezza li m’hawn xejn aktar essenzjali mis-saħħa tal-poplu. Innutat ukoll in-nuqqas ta’ qbil f’dan li qed jintqal mill-ogħla istituzzjonijiet fil-pajjiż. Insistiet li meta l-messaġġi ma jkunux uniformi, il-poplu jitħawwas u l-miżuri jibdew ikunu interpretati kif wieħed jaqbillu u mhux kif fil-fatt huma.

Qalet li wieħed għandu jfakkar kif waqt il-pandemija, numru ta’ Environmenta Health Officers, kif ukoll professjonisti fil-Qasam tas-Saħħa, flimkien mal-Pulizija u numru sostanzjali ta’ ħaddiema oħra, issagrifikaw familthom billi ħafna kellhom jitilqu minn djarhom u fittxew akkomodazzjoni alternattiva. Insistiet li dan sar biex is-servizz ikun jista’ jibqa’ jingħata, hekk kif mhux kulħadd seta’ jibqa’ d-dar mal-għeżież tiegħu. Irrimarkat li dawn is-servizzi kienu essenzjali biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-COVID-19.

Dalgħodu l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li tirrappreżenta t-tobba li jaħdmu fil-pajjiż, esprimiet id-diżappunt tagħha wara d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ. L-assoċjazzjoni sostniet li l-Gvern qed ipoġġi l-ekonomija qabel is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Abela kkritika lil dawk li allega li qed ibeżżgħu bit-tieni mewġa. Abela qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed u li l-aħħar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hi li jmorru u jgawdu l-baħar. Qal li għandhom iżommu d-distanza minn xulxin. Abela qal ukoll li wieħed m’għandux iżomm lin-nies kastigati d-dar jekk l-evidenza xjentifika tgħid li m’hemmx għalfejn isir hekk.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn