“Issa żżejjed!”

Miguela Xuereb

Read in English.

Aktar minn 5,000 persuna iffirmaw il-petizzjoni li beda Newsbook.com.mt wara t-traġedja tal-Ħamrun tat-Tnejn li għadda. Fl-inċident mietet Miriam Pace, omm ta’ 54 sena meta kkollassat id-dar tagħha li kienet maġenb sit tal-kostruzzjoni.

“Aħna hawn taħt iffirmati nixtiequ nuru r-rabja u s-sogħba kbira tagħna għall-qtil ta’ mara oħra riżultat tal-inkompetenza tal-awtoritajiet tal-istat Malti li mhux qed iħarsu lilna ċ-ċittadini mir-regħba tal-industrija tal-kostruzzjoni,” qalet il-petizzjoni. Saret ukoll sejħa għal Jum ta’ Luttu Nazzjonali.

Mijiet ta’ persuni li ffirmaw il-petizzjoni żiedu l-kummenti tagħhom dwar dak li ġara.

Dawn huma wħud minnhom:

“Qed niffirma din il-petizzjoni għax għaddejt minn xi ħaġa simili snin ilu. Għadni mbeżża’ sal-lum kull meta jkun hemm xi tħaffir viċin ta’ dari.”

“Issa żżejjed!”

“Sraqtulna kollox anke s-serħan tal-moħħ”

“Min kien responsabbli biex jenforza r-regolamenti? Qisu dan il-pajjiż kulħadd jagħmel li jrid l-aktar dawk li jaħsbu li għandhom kenn politiku”

Affarijiet bħat-traġedja tal-Ħamrun tat-Tnejn li għadda huma affarijiet li jiġru f’pajjiżi tat-tielet dinja, skont il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.