Issa torri ta’ 14-il sular f’Ħaż-Żebbuġ – AD

L-Alternattiva Demokratika spjegat li fuq is-sit fejn illum hemm ix-showroom tat-Toyota fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ ġiet ippreżentata applikazzjoni ta’ żvilupp biex jinbena torri ta’ 14-il sular, bi 11 minnhom ‘il fuq mil-livell tat-triq.

Il-Kap tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo sostna li “l-ġlieda kontra s-saħħa tal-flus li jfittex il-profitt a skapitu tal-kwalità tal-ħajja tan-nies issa se tiċċaqlaq lejn Ħaż-Żebbuġ”. Ġie spjegat li wieħed mis-sulari tat-torri se jkun irtirat ‘il ġewwa mill-faċċata. Intant, qalu li miegħu se jkun hemm tliet sulari addizzjonali ta’ parkeġġ taħt l-art.

Il-partit kompla jgħid li tkellem ma’ diversi residenti li jinsabu inkwetati għax sostnew li t-torri mhux postu f’Ħaż-Żebbuġ filwaqt li se jkollu impatt konsiderevoli fuq il-lokal u r-residenti tiegħu. Skont l-AD, l-iżvilupp propost se jinkludi supermarket, ħwienet, uffiċini u faċilitajiet li joffru servizzi fil-qasam tas-saħħa, inkluż gym. Intant, il-parkeġġ se jkun joffri spazju għal 908 karozzi.