​Issa tliet periti biex issir stima ta’ proprjetà pubblika

Skont l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern, issa hemm bżonn ta’ tliet periti li jagħmlu stima ta’ proprjetà pubblika li l-Gvern se jkun qed jakkwista jew jiddisponi.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal li dan il-proċess irid isir meta l-valur tal-art jaqbeż l-ammont ta’ €400,000. Meta l-valur tal-art ikun inqas minn hekk, il-valur jista’ jiġi redatt minn perit wieħed.
Agius qal li ħarġet espressjoni ta’ interess għall-periti, li għaliha kien hemm 84 periti li applikaw. Spjega li dawn se jintgħażlu skont l-ordni alfabetika meta jkun hemm il-bżonn li jiġi nkarigat perit. Saħaq li bl-ebda mod ma jkunu qed jiġu magħżula minn xi ħadd partikolari.
Skont is-Segretarju Parlamentari, il-valuri assoċjati ma’ proprjetà li l-Gvern se jakkwista jew jittrasferixxi jridu jkunu studjati u mhux magħmula arbitrarjament. Żied jgħid li għal-ewwel darba, il-liġi telenka kriterji ċari li l-periti inkarigati jridu jsegwu f’kull stima li tirrigwardja l-proprjetà pubblika. Kompla jispjega f’kull rapport peritali l-perit għandu obbligu bil-liġi li jistipula l-metodu kwantu kif wasal għall-valur.
Skont l-istqarrija, id-dettalji li jridu jingħataw jinkludu l-istat tal-proprjetà, l-użu li kien qed isir minnha fid-data relattiva, ir-restrizzjonijiet li jista’ jkun hemm u li joħorġu mill-iskemar skont il-pjani lokali jew raġunijiet pertinenti oħra kif ukoll elenku ta’ operazzjonijiet paragunabbli li l-proprjetà tkun ġiet valutata b’referenza għalihom.
Agius temm jgħid li fin-nuqqas li jiġu mħarsa l-ħtiġijiet preċiżi, it-tali stima ma tiswiex u trid issir mill-ġdid.
Bl-għan li l-periti jkunu aktar familjari mal-metodi li jistgħu jiġu adottati, sar induction course.