Issa tista’ żżur Niš: ara x’tista’ tara!

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lbieraħ laqa’ l-ewwel titjira u l-ewwel passiġġieri minn Niš. B’hekk kienet inawgurata wkoll it-tieni konnessjoni diretta bejn Malta u s-Serbja.

It-titjiriet lejn Niš, li hija t-tielet l-akbar belt fis-Serbja, huma operati mil-linja tal-ajru Ryanair. Dan se jkun qed jopera kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa. Skont stqarrija maħruġa mill-Ajruport Nazzjonali ta’ Malta l-iskeda tagħmel id-destinazzjoni ideali għal dawk li jkunu qed ifittxu vaganza qasira.

Niš għandha ħafna x’toffri lil dawk li jħobbu l-istorja u l-arkeoloġija peress li hija waħda mill-eqdem bliet fl-Ewropa. Mill-fdalijiet tal-palazz fuq stil Ruman ta’ Kostantinu l-Kbir sa binjijiet li ilhom weqfin miż-żmien meta l-Ottomani kienu jaħkmu l-belt, Niš għandha saffi differenti ta’ storja li kollha jikxfu passat kemxejn turbulenti.

Niš hija magħrufa wkoll għall-banjijiet termali tagħha li jinsabu f’qiegħ il-katina ta’ muntanji Suva Planina. Suva Planina hija waħda mill-aktar postijiet popolari fis-Serbja għall-paragliding u hija mfittxija wkoll minn dawk li huma dilettanti tal-iskijjar fix-xhur tax-xitwa.

L-iskeda ta’ titjiriet għall-istaġun tax-xitwa li ġiet imnedija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reċentement tista’ taraha minn hawn.