Issa tista’ tmur Belfast dirett minn Malta

F’jumejn mindu beda l-istaġun xitwi għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), tħabbret it-tieni rotta ġdida, did-darba lejn Belfast fl-Irlanda ta’ Fuq.
L-MIA qalet li r-rotta se tkun qed titħaddem mill-kumpanija Ryanair, li tard ilbieraħ filgħaxija niżel għall-ewwel darba Malta l-ajruplan li kien ġej minn Belfast.
Is-servizz il-ġdid se jibda jopera bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Belfast, bit-tijiriet jieħdu madwar 3 sigħat u nofs.
Belfast hi l-belt kapitali tal-Irlanda ta’ Fuq, u fost attrazzjonijiet ewlenin wieħed jista’ jsib it-Titanic Belfast, qrib fejn il-bastiment li għadda fl-istorja ġie ddiżinjat. Hawnhekk wieħed jista’ jesperjenza l-istorja ta’ dan il-vapur.
Imbagħad hemm ukoll il-Belfast and the Giant Causeway, li riċentament il-Lonely Planet klassifikatu wieħed mill-aktar reġjuni dinjija li wieħed għandu jżur fl-2018.